Sport Sport Ieħor

Van Gaal irid l-istess għaqda ma’ Man Utd

Il-kowċ Olandiż Louis Van Gaal eżatt kif temm l-impenji tiegħu mat-tim nazzjonali, b’rebħa 3-0 fuq il-Brażil, qal li l-plejers ta’ Manchester United, li se jkun qed imexxi issa, jrid ikollhom l-istess għaqda li kellhom il-plejers Olandiżi f’din it-Tazza tad-Dinja.

Van Gaal se jibda jaħdem ma’ United mill-ġimgħa d-dieħla.

“Nittama li l-grupp li se jkollu f’Manchester isir magħqud bħal dan il-grupp. Irridu nkantaw kollha mill-istess karta,” qal il-kowċ li mexxa wkoll lil Ajax, Barcelona u Bayern Munich. L-ewwel logħba tiegħu se tkun partita ta’ ħbiberija f’Old Trafford fit-12 ta’ Awwissu kontra Valencia, imma qabel se jieħu l-iskwadra fl-Istati Uniti.

Van Gaal qal li l-istaff tekniku u l-plejers li kellu mal-Olanda dejjem se jkollhom post f’qalbu.

L-Olanda bir-rebħa spiċċaw saru l-ewwel tim Olandiż fl-istorja li temm l-impenji fit-Tazza tad-Dinja mingħajr telfa fil-ħin regolamenti jew barrani hekk kif Louis Van Gaal sellem lit-tim bl-aħħar logħba tiegħu fit-tmexxija qabel jibda jmexxi lil Manchester United.

“U fejn jidħol it-turnament, 15-il gowl f’seba’ partiti u qlajna erba’ gowls biss. Naħseb li nistgħu nħarsu lura u ngħidu li kellna turnament ta’ suċċess u jien kburi bil-plejers u bl-istaff tekniku li kelli,” qal Van Gaal.

Georginio Wijnaldum li skorja l-aħħar gowl tal-Olanda qal, “L-aktar ħaġa sabiħa kien il-mod kif irkuprajna malajr. Ġejna eliminati imma rritornajna malajr u spiċċajna t-tielet. Ridna li nagħlqu bit-tajjeb.”

Robben li rebaħ penalty li deher li sar barra l-kaxxa qal, “Kien tmiem tajjeb. Nistgħu ninsew ftit id-disfatta tas-semifinali. Inħossni kburi. Kumplimenti lil dan it-tim li taħdem miegħu qisek qiegħed f’festa. Kien jimmeritana aktar. Ħadd ma stenna li se naslu mal-aħħar erbgħa.”

Robben li kien l-aktar plejer influwenti għall-Olanda qal ukoll li mhux se jkun qed isegwi lil Van Gaal ma’ United. “Għandi relazzjoni tajba ma’ Van Gaal. Hu l-aktar kowċ importanti li qatt kelli fil-karriera imma mhux se nkun qed insegwih ma’ United. Se nibqa’ ma’ Bayern,” qal Robben.

Ir-raba’ darba

Min-naħa tiegħu l-Brażil kien qed jilgħab ir-raba’ logħba għat-tielet post. Għelbu lill-Iżvezja fl-1938 u lill-Italja fl-1978 u kienu tilfu kontra l-Polonja fl-1974.

“Din hi ħaġa frustranti ħafna. Ma naħsibx li kien jimmeritana li ntemmu b’dan il-mod. Imma sfortunatament dan hu l-futbol,” qal il-captain Thiago Silva f’intervista fuq it-televiżjoni wara l-logħba.
“Irridu nitolbu skuża lill-partitarji, ġew jagħtuna l-appoġġ u bbuwjawna lejn l-aħħar li hi ħaġa normali għaliex anke huma għandhom qalb. Diffiċli ħafna.”

Anke Oscar li kien l-aħjar plejer għall-Brażil fil-logħba, tħalla bla kliem. “Ma nafx kif qed inħossni u ma nafx x’naqbad ngħid. Wara telfa kbira kontra l-Ġermanja, illum ippruvajna l-aħjar tagħna mill-bidu biex nirbħu t-tielet post imma ma kinitx il-ġurnata tagħna. Irridu naraw x’kien hemm ħażin ħalli nirranġawh għall-futur.”