Sport

Van Persie jagħti l-faxxa lill-partitarju uniku

Wara r-rebħa 3-0 tal-Olanda kontra l-Brażil fil-play-off għat-tielet post fit-Tazza tad-Dinja, Robin van Persie ta bħala rigal il-faxxa ta’ captain lill-aktar partitarju dedikat tal-pajjiż.

Għal aktar minn 25 sena Winfried Witjes dar id-dinja biex segwa ħafna mill-partiti tat-tim nazzjonali Olandiż liebes bħala l-‘Ġeneral Oranġjo’. Bħall-Brażiljan Gaucho da Copa, ‘il-Ġeneral’ sar persuna sinonima ma’ turnaments maġġuri.

Ħafna partitarji Olandiżi iżda ma waqfux hawn u għalhekk bdew kampanja pubblika biex jiġbru l-fondi meħtieġa biex ikunu jistgħu jibagħtu l-maskot mhux uffiċjali tagħhom lejn il-Brażil, diment li t-tim jibqa’ fit-turnament.

Il-flus inġabru u ‘l-Ġeneral’ seta’ jmexxi s-support Olandiż mill-bidu nett ta’ dan il-vjaġġ kważi sal-aħħar.

Għalhekk wara xahar idur mal-Brażil bl-aktar ilbies li jsipikka, ‘il-Ġeneral’ kien fl-ewwel filliera biex jara lit-tim jirbaħ il-midalja tal-bronż u Van Persie ddeċieda li kien jimmeritah rigal. Għalhekk fi tmiem il-logħba pponta dritt lejn ‘il-Ġeneral’ u tah il-faxxa ta’ captain. Dan wasal biex Witjes bieslu idejh bħala apprezzament.

Bla dubju dan se jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar mumenti memorabbli għall-‘Ġeneral’ fil-vjaġġi kollha li għamel fil-futbol. Imma mhux l-ewwel darba li Van Persie tah rigal bħala apprezzament tas-support lejali. Fl-2011 Van Persie kien sar l-ewwel plejer li ta l-flokk tiegħu lill-‘Ġeneral’ wara logħba u kif jgħid Witjes, l-attakkant qallu. “Il-flokk tiegħi. Dan għalik. Dejjem tiġi tarana nkunu fejn inkunu. Int bniedem ġenwin u dan il-flokk għalik.”

Ritratt: ‘Il-Ġeneral Oranġjo’ Winfried Witjes ibus idejn Van Persie wara li tah il-faxxa ta’ captain