Internazzjonali Knisja

Vot dwar il-ħatra tan-nisa bħala isqfijiet

IR-RENJU UNIT: L-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, hu ‘fiduċjuż’ li s-Sinodu Ġenerali tal-Knisja tal-Ingilterra se jwitti t-triq biex in-nisa jkunu ordnati isqfijiet u ladarba hu jikkonkludi l-vot speċifiku tallum.

L-Arċisqof Welby qed isostni li hemm ‘ċans tajjeb’ li l-ewwel mara tkun ikkonfermata bħala Isqof lejn l-aħħar tal-2015. Dan wara li – proprju tliet snin ilu – it-tentattiv preċedenti lejn din ir-riforma kien falla b’sitt voti biss.

Il-ħsieb, din id-darba, hu li ‘l-voti favur il-konferma (tan-nisa bħala Isqfijiet) qegħdin hemm’, bl-Arċisqof ta’ Canterbury itenni, waqt intervista mal-BBC, li l-pubbliku ġenerali ‘ma jistax jifhem’ kif in-nisa, għalissa, huma projbiti milli jeżerċitaw ir-rwol partikolari.

F’każ li s-Sinodu Ġenerali jaċċetta l-proposta inkwistjoni, din tkun l-ewwel darba li l-Knisja Anglikana tkun ‘fetħet’ l-inkarigi ewlenin tagħha għall-membri taż-żewġ sessi, xi għoxrin sena wara li n-nisa kienu ordnati qassisin għall-ewwel darba.

Min-naħa tiegħu, Rowan Williams, l-eks-Arċisqof ta’ Canterbury, qal li l-Knisja tiegħu ’tilfet ammont ta’ kredibbilta’ b’kaġun tal-vot tal-2012 li kien seħħ fi żmienu.

Is-Sinodu Ġenerali tal-Knisja Anglikana għadu pjuttost l-istess bħal dak iż-żmien, iżda erba’ membri tiegħu li kienu vvutaw kontra l-bidla proposta, din id-darba, qed isostnu li lesti jappoġġjaw ir-riforma u dan jista’ jkun biżżejjed għal riżultat storiku.

Mifhum ukoll li kwalunkwe diżgwid dwar ir-riżultat tal-vot għandu jgħaddi minn proċess għall-arbitraġġ u li jimtexxa minn ombudsman.