Hu ikkalkulat li madwar 55 fil-mija tal-istudenti ta’ bejn il-15 u s-16-il sena li għamlu l-eżamijiet tas-SEC jew dak li kienu jissejħu l-O Levels, m’għaddewx u ġabu Grade 6 jew 7.
Evarist Bartolo, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ħabbar dan il-bieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal li kien hemm 667 applikazzjoni minn studenti li m’għaddewx jew li kienu assenti mis-SEC u se jieħu lezzjonijiet bla ħlas mill-Gvern biex jagħmlu r-resits f’Settembru li ġej. L-applikazzjonijiet huma 342 fl-Ingliż, 418 fil-Matematika, 250 fil-Malti u 220 fil-Fiżika.
Fil-fatt l-istudenti li din is-sena m’għaddewx mill-eżami tas-SEC jew li ma marrux għal eżami fl-Ingliż kienu 1,935, fil-Matematika 2,314, fil-Malti 1,526 u fil-Fiżika 1,376. Barra minn hekk kien hemm 353 student u studenta li ma rreġistrawx biex jagħmlu l-eżamijiet.
Il-Ministru Bartolo qal li hu inkwetanti li hemm żgħażagħ ta’ bejn il-15 u s-16-il sena li lanqas biss joqogħdu għal eżamijiet tas-SEC. 40 fil-mija tal-istudenti ma jagħżlux lingwa oħra minbarra l-Malti u l-Ingliż biex jistudjawha.
Evarist Bartolo qal li l-akbar problema li għandha Malta fost iż-żgħażagħ mhix ir-rata tal-qgħad, imma l-ammont kbir ta’ żgħażagħ li jispiċċaw mis-Sekondarja bla ħiliet u ma jkomplux jistudjaw. Hu qal li l-prijorita` hi li ż-żgħażagħ ikunu mħeġġa jkomplu jistudjaw jew jitħarrgu. Bħalissa 21 fil-mija tal-istudenti ma jkomplux jistudjaw wara s-sekondarja u l-mira hi li sas-sena 2020 din tinżel għal 10 fil-mija.
Hu fakkar li dawk li jġibu Grad bejn 1 u 5 fis-SEC jistgħu japplikaw għal Junior College u s-Sixth Form filwaqt li dawk li jgibu Grad bejn 6 u 7 jistgħu japplikaw għal xi korsijiet fl-MCAST u fl-ITS.
Il-Ministru Bartolo qal li l-Gvern preżenti qed jimxi fit-triq tal-gvern preċidenti biex minn Settembru li ġej jibdew ikunu offruti suġġetti vokazzjonali.