L-Oppozizzjoni Nazzjonalista ressqet madwar 70 proposta lill-Gvern dwar kif jista’ jsir l-aqwa użu mill-fondi li kiseb pajjiżna mill-Unjoni Ewropa għas-snin 2014 sal-2020.
Dawn il-proposti tressqu mid-Deputat Marthese Portelli, kelliema tal-Oppozizzjoni ghall-Affarijiet Ewropej, u d-Deputat Antoine Borg, il-Kelliem tal-Oppozizzjoni ghall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u l-Fondi Ewropej f’konferenza tal-ahbarijiet fid-Dar Centrali.
Il-proposti jixhdu kif l-Oppożizzjoni se tiehu sehem b’mod pro-attiv biex pajjiżna jkompli jagħmel suċċess mis-sħubija tiegħu fi ħdan l-UE.
Fost is-suggerimenti li ressqet l-Oppożizzjoni fil-qasam tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi hemm li għandha tingħata għajnuna lill-intrapriżi żgħar u medji filwaqt li l-Oppożizzjoni uriet it-tħassib tagħha li l-proposta tal-gvern dwar għajnuna fil-qasam tal-kompetittivita tidentifika biss numru limitat ta’ setturi u tiffoka biss fuq bidu jew espansjoni ta’ negozji.
Fil-qasam tal-ambjent u tal-enerġija l-Oppożizzjoni tiproponi fost l-oħrajn għajnuna finanzjarja għal proġetti li jippromwovu l-użu effiċjenti tal-energija u l-preservazzjoni tal-ilma u turi t-tħassib tagħha li l-proposti ma jinkludux referenza għar-restawr tal-fortifikazzjonijiet u l-protezzjoni tal-biodiversita fil-baħar.
L-Oppożizzjoni qed tiproponi li fil-qasam tas-saħħa jintużaw fondi Ewropej għat-titjib tal-faċilitajiet għall-anzjani u nies b’mard terminali filwaqt li tinnota li s-settur privat mhux inkluż ma’ dawk li se jgawdu minn fondi Ewropej f’dan il-qasam.
Fil-qasam edukattiv l-Oppożizzjoni qed tiproponi li l-bini ta’ skejjel ġodda għandu jkun inkluż fil-proposti ta’ kif se jintużaw il-fondi Ewropej filwaqt li uriet it-tħassib tagħha li l-MCAST ta’ Ghawdex ma kienx inkluż biex jieħu fondi tal-UE. Waħda mill-osservazzjonijiet li għamlet l-Oppożizzjoni hija li fid-dokument tal-gvern ma ssir l-ebda referenza speċifika lejn Għawdex.
Id-Deputati Marthese Porrtelli u Antoine Borg qalu li b’dawn il-proposti l-Oppożizzjoni qed tagħmel suġġerimenti kostruttivi ta’ kif pajjzina jista jagħmel l-aqwa użu mill-fondi Ewropej, fondi li nksibu frott l-għaqal waqt in-negozjati u frott l-għaqal fl-użu tal-fondi preċedenti.
//= $special ?>