Editorjal

Editorjal: Anniversarju sabiħ f’ċirkostanzi xejn sbieħ

Nhar is-Sibt li għadda, il-Korp tal-Pulizija ċċelebra l-mitejn sena mit-twaqqif tiegħu; anniversarju sabiħ għal istituzzjoni indipendenti tal-Istat u korp importanti ħafna.

Korp li kien qed igawdi rispett u indipendenza

F’dawn il-mitejn sena, dawk kollha li matul iż-żminijiet ħadmu bħala Pulizija kellhom ħafna suċċessi. U bi żviluppi li seħħew matul l-aħħar snin, il-Korp tal-Pulizija kien qed igawdi rispett u kellu l-indipendenza tant meħtieġa biex qabad u mexxa f’każi ta’ korruzzjoni kontra nies imlaħħqin fl-Istat stess, anke mħallfin.

L-indipendenza tal-Korp tagħti serħan il-moħħ

Meta l-Pulizija ma jindaħlulhiex u ma tħares lejn wiċċ ħadd, ikollna s-serħan il-moħħ li nistgħu ngħixu fil-libertà, fil-kwiet u fir-rispett tal-liġi l-istess għal kulħadd indaqs.

Paġni koroh ta’ sogru, anke mwiet…

Paġni koroh il-Korp tal-Pulizija kellu wkoll f’dawn il-mitejn sena. Fost l-eluf li kienu fil-Pulizija, kien hemm min issogra ħajtu u miet; li juri x’tip ta’ xogħol hu dan.

… u ta’ mexxejja tal-Korp li qagħdu għall-indħil politiku

U kien hemm paġni koroh differenti ta’ mexxejja tal-Korp li flok ħarsu l-liġi, ħarsu lejn l-uċuħ; flok iddefendew lil min kien qed ibati l-vjolenza, wettquha huma; flok ġrew wara l-ħatja ta’ qtil politiku, ippruvaw jitfgħu it-tort fuq bniedem innoċenti; flok ġabru l-provi, ivvintaw il-frame-ups; flok ħarsu d-drittijiet ċivili, ittorturaw nies innoċenti; flok fittxew is-sewwa, qatlu bniedem fid-Depot; flok Korp tal-Pulizija indipendenti kif suppost hu, għamluh każin politiku.

L-anniversarju ta’ mitejn sena f’ċirkostanzi xejn sbieħ

Dawk il-paġni koroh illum suppost kulħadd jirrikonoxxi li kienu żbalji kbar u li qegħdin fl-istorja biex ħadd qatt ma jgħixhom fil-futur; biex il-Korp ma jsofrix indħil politiku. Imma dan l-anniversarju sabiħ il-Korp tal-Pulizija qed jgħaddih fid-dell ta’ ġrajjiet xejn sbieħ, mhux fl-imgħoddi imma fil-preżent.

Diversi ġrajjiet ta’ ndħil politiku fl-aħħar sittax-il xahar

Lista mdaqqsa f’dawn l-aħħar sittax-il xahar, u l-agħar: l-indħil politiku lill-Pulizija. Mill-Kummissarju li jqabbeż il-kju tal-vapur lis-Sindka għax ċemplitlu, għall-bord tal-pulizija mimli ħatriet politiċi u li jikkastiga pulizija li qdew dmirhom; mir-raġel li sawwat tliet pulizija f’għassa imma ċempel lil xi ħadd u l-każ waqa’, għall-konklużjoni loġika ta’ ndħil politiku biex każ kbir Ewropew u Malti – kien ta’ min kien, il-gravità tiegħu l-importanti – waqaf wara li tneħħew l-investigaturi kollha; tlieta.
Gvern li donnu jrid jilgħab saħansitra aktar bil-Korp

Dell f’dan l-anniversarju mqar bin-nuqqas tal-Kummissarju li tkeċċa jew telaq wara li kien ilu fost l-iqsar żminijiet f’dal-mitejn sena; u b’Kummissarju li ħadd ma jaf kemm se jdum la hu aġent, għax il-Gvern, flok iseddaq l-indipendenza tal-Korp, donnu l-indħil politiku għadu lanqas hu biżżejjed. Anniversaju sabiħ f’ċirkostanzi xejn sbieħ.