Lokali

Gwardjani lokali ta’ Sterling Security jingħataw is-sensja

Il-kumpanija Sterling Security, li fost oħrajn tħaddem servizz ta’ gwardjani lokali f’numru ta’ lokalitajiet, inkluż fir-Reġjun tax-Xlokk, se tagħti s-sensja lil numru ta’ ħaddiema tagħha b’effett mill-31 t’Awwissu li ġej.

Dan tħabbar waqt laqgħa li l-ħaddiema kellhom nhar it-Tlieta l-ewwel ta’ Lulju mad-Diretturi Noel Schembri u David Stubbings.

Id-Diretturi spjegaw lill-ħaddiema li minħabba li l-kumpanija mhux se tkun qed titħallas l-ammont dovut għal xogħol li sar għar-Reġjun tax-Xlokk, l-impjieg tagħhom se jiġi tterminat. Huma ngħataw ukoll l-ittra tas-sensja tagħhom b’notice ta’ 8 ġimgħat li jiskadi fl-24 t’Awwissu.

Dan il-ġurnal ikkonferma li l-kwistjoni kollha fil-fatt iddur ma’ deċiżjoni li ħa r-Reġjun tax-Xlokk, li jiġbor fih il-kunsilli lokali tax-Xlokk ta’ Malta, li ma jħallasx is-somma ta’ madwar €8,000 dovuta lil Sterling Security minħabba li s-servizz ma ngħatax kif suppost.

Il-kwistjoni kienet diskussa waqt laqgħa urġenti għall-membri tal-Kumitat li ġiet imsejħa mir-Reġjun tax-Xlokk dan l-aħħar. Kien f’din il-laqgħa li ttiehdet id-deċiżjoni li l-ħlas ma jsirx.

Kollox beda wara li daħlu numru ta’ ilmenti li ċerti lokalitajiet ma kinux qed jiġu moqdija tajjeb mill-Gwardjani Lokali li timpjega l-Isterling Security. Dan wassal biex ir-Reġjun tax-Xlokk ħa d-deċiżjoni li jsegwi lil dawn il-gwardjani Lokali permezz tal-apparat li kull gwardjan lokali jġorr fuqu. Madankollu, għal numru sinjifikanti ta’ sigħat, dawn il-gwardjani lokali ma’ kinux qed jiġu tracked waqt li suppost ikunu fuq ir-rotta tagħhom, xi ħaġa li tista’ tfisser li l-istess gwardjani kienu qed jitfu l-apparat tagħhom.

Għalhekk ir-Reġjun tax-Xlokk iddeċieda li l-kumpanija ma’ titħallasx għal dawn is-sigħat ta’ xoghol.

Fil-fatt fl-ittra tan-notice, il-kumpanija Sterling Security tgħid propju li s-sensji qed jingħataw minħabba din id-deċiżjoni tar-Reġjun tax-Xlokk. Madankollu l-kumitat tar-Reġjun tax-Xlokk qed jikkontesta l-fatt li l-kumpanija qed titfa’ t-tort fuqu, meta r-raġuni hi n-nuqqas tat-tracking tal-impjegati tal-kumpanija stess. Fid-dawl ta’ dan, ninsabu nfurmati wkoll li l-Kumitat tar-Reġjun tax-Xlokk qed jieħu parir legali biex jiġi deċiż x’azzjoni jista’ jieħu kontra l-kumpanija.

Dan il-ġurnal ilu ġimgħa li bagħat mistoqsijiet lill-kumpanija Sterling Security fejn fost l-oħrajn staqsejna kemm il-ħaddiem tagħha ngħataw is-sensja u kemm hu l-ħlas li l-kumpanija qed tistenna mingħand ir-Reġjun tax-Xlokk. Madankollu dawn il-mistoqsijiet ġew injorati u s’issa għadha ma waslet l-ebda risposta mingħand id-dirigenti tal-kumpanija.