Internazzjonali

Il-Knisja Anglikana tivvota biex taħtar nisa isqfijiet

Il-Knisja Anglikana waqt Sinodu Ġenerali vvotat sabiex għall-ewwel darba fl-istorja tagħha taħtar fi ħdanha isqfijiet nisa. Il-vot kontroversjali waqt is-Sinodu ra 152 jivvotaw favur u 45 jivvotaw kontra. Vot li jmur kontra dak li ġara fis-sena 2012 meta proposta simili ma kienetx ġiet approvata.

Il-kap tal-Knisja Anglikana, l-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby qal li huwa ferm kuntent b’dan l-aħħar żvilupp iżda kritiċi saħqu li dan kien pass żbaljat. Il-mossa tal-Knisja Anglikana tiġi wara li għal dawn l-aħħar għoxrin sena il-Knisja Ingliża ħatret fi ħdanha nisa qassisin sabiex illum wieħed minn kull ħames qassisin hija mara.

Il-proċess issa jmur quddiem il-Parlament Ingliż li jrid japprova din il-mossa filwaqt li s-Sinodu jerġa mill-ġdid jgħati l-aħħat approvazzjoni formali fis-17 ta’ Novembru.