Fi stqarrija b’referenzagħall-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello u l-kelliem għall-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima li dan il-Gvern issa ddeċieda li jabbanduna l-pjanijiet tiegħu biex il-Magħtab tiġi ttrasformata f’park għall-pubbliku l-Partit Nazzjonalista saħaq li din l-aħbar hi oħra minn sensiela li juru kemm dan il-Gvern irid ikisser akkost ta’ kollox dak kollu li wettaq Gvern Nazzjonalista fil-qasam ambjentali, u turi n-nuqqas ta’ viżjoni li għandu dan il-Gvern fejn jidħol l-ambjent, minkejja l-ħafna kliem li ingħad dwar road map f’dan il-qasam.
Fl-istqarrija il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Charlo’ Bonnici qal li bl-iskuża li jistgħu jibqgħu ħerġin gassijiet għal xi snin oħra u li l-Magħtab huwa mdawwar b’żewġ operazzjonijiet oħra, il-Gvern jidher li abbanduna għalkollox l-idea ta’ Gvern preċedenti li wara li jintemm il-proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-Magħtab, din iż-żona terġa’ tiġi rritornata lill-pubbliku. Kien għalhekk li l-Gvern preċedenti investa ’l fuq minn €25 miljun ħalli din il-ġerħa ambjentali terġa’ ssir post li, f’xi partijiet, tkun tista’ titgawda min-nies. Tant ma kinitx fittizja din il-viżjoni li saħansitra anke l-Unjoni Ewropea allokat fondi għal dan il-proġett ambizzjuż.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tkompli tgħid li jrid jingħad li r-rijabilitazzjoni tal-Magħtab kien proġett għat-tul. Gvern Nazzjonalista qatt ma qal li dan kien proġett li jista’ jiġi konkluż fi ftit snin. Madankollu, sa meta kien għad hemm tmexxija Nazzjonalista l-Wasteserv kienet għaddejja b’ħidma kontinwa sabiex eventwalment din iz-zona tiġi rijabilitata u parti sostanzjali minnha titgawda mill-pubbliku skont kemm l-interventi li jkunu qed isiru jkunu effettivi.
Għal darb’oħra, tkompli l-istqarrija, dan il-Gvern qiegħed jipprova jabbanduna proġett bl-iskuża ta’ ħsara lill-pubbliku hekk kif kien għamel meta għalaq għalxejn il-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, biex wara ammetta li kien żbaljat. Dan qed jagħmlu minflok jimpenja ruħu favur proġett fit-tul li finalment kien se jneħħi ġerħa ambjentali. Il-Partit Nazzjonalista iddeskriva kliem is-CEO tal-Wasteserv meta qal li l-Magħtab se jingħata dehra ħadranija biex ma tibqax muntanja bajda bħala qerq għax it-tħaddir tal-Magħtab kien parti mill-pjan ħolisitiku ta’ rijabilitazzjoni tal-Magħtab. Issa kull ma se jagħmel dan il-Gvern hu li jitlaq għalkollox proġett sħiħ u jagħti kisja lill-wiċċ għal għajn in-nies.
L-istqarrija ttemm tgħid li hija sfortuna li dan il-Gvern isib il-flus biex joħloq xogħolijiet u kuntratti fittizji, imma jixxaħħaħ fi proġetti oħra li huma ta’ benefiċċju għall-pajjiż. Din mhi xejn ħlief prova oħra ta’ tmexxija ħażina ta’ dan il-Gvern.
//= $special ?>