Waħda mill-problemi l-kbar li qed jiffaċċjaw il-pazjenti li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete tat-Tip Wieħed hi li ma jistgħux ilaħqqu biex jixtru it-test strips biex jiċċekkjaw il-livell taz-zokkor. Il-Gvern jipprovdilhom biss 50 test stip kull erba’ ġimgħat, jiġifieri medja ta’ inqas minn żewġ strips kuljum meta tal-inqas huma jeħtieġu erba’ kuljum.
Dan ħareġ illejla waqt ir-raba’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma fuq id-Dijabete li twaqqaf mill-Parlament bl-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil.
Il-laqgħa tmexxiet mid-Deputat Laburista it-Tabib Godfrey Farrugia u għaliha attendew Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll speċjalisti u infermiera li jaħdmu fil-qasam tad-dijabete.
Dr John Torpiano, Consultant Paediatric Endocrinologist għamel preżentazzjoni dettaljata dwar id-dijabete fit-tfal u qal li d-dijabete tat-Tip Wieħed fit-tfal qed issir iktar komuni. Hu qal li bl-għajnuna tal-Gvern il-ħajja ta’ dawn it-tfal tista’ titjieb imma hemm bżonn iktar riżorsi umani, tobba u infermiera speċjalizzati, u anke psikologi u social workers.
Hu qal li kull ġimagħtejn ikun hemm hemm pazjent ġdid minorenni bid-dijabete tat-Tip Wieħed u Malta tinsab fil-ħames post fl-Unjoni Ewropea fl-indiċi tad-dijabete, ftit wara r-Renju Unit u d-Danimarka.
Dr John Torpiano qal f’Malta hawn biss żewġ tobba dedikati għal kura tad-dijabete biss fl-Isptar Mater Dei għal 35,000 persuna b’din il-kundizzjoni. Il-medja barra minn Malta hi ta’ tabib għal kull 70 pazjent.
Hemm ukoll problemi fl-iskejjel għat-tfal li jeħtieġu l-insulina erba darbiet kuljum u s-soluzzjoni hi li jkun hemm infermeira f’kull skola li tkun responsabbli għal dan.
Ġenitur li għandu tifel bid-dijabete tat-Tip Wieħed qal li huma qed iġorru piż enormi minħabba li jridu jixtru t-test strips biex binhom jiċċekkja l-livell taz-zokkor fid-demm. Imma huma jkollhom jixtruhom u minn 16-il ewro kull kaxxa, f’daqqa waħda dan l-aħħar għolew għal 22 ewro kull kaxxa. Hu qal li ma dawn iridu jżidu l-ispejjez minħabba l-kundizzjoni tal-awtiżmu.
Matul il-laqgħa saru wkoll preżentazzjonijiet minn Catherine Azzopardi u Moira Grixti, infermiera speċjalizzati fid-dijabaete u minn Ruth Theuma, Principal Pharmacist Clinical Pahramacy.
//= $special ?>