Lokali

Konferenza bl-għan li jitqajjem għarfien dwar kundizzjonijiet marbuta mal-ikel

Id-Dipartiment tal-Occupational Therapy fl-Isptar Monte Karmeli għaddej b’ħidma ma’ taqta’ xejn biex jiżdied l-għarfien dwar kundizzjonijiet bħalma huma l-anoressija, il-bulimja u l-obeżita’ – diżordnijiet marbutin mal-ikel li jistgħu jkunu fatali.

Dawn il-kundizzjonijiet hu kkalkulat li jaffetwaw mal-2,000 persuna f’pajjiżna. Kien għalhekk li fi Frar tal-2014 ġie fi tmiemu proġett tal-Malta Community Chest Fund biex infetħet Dar Kenn għal Saħħtek minn George Abela, dakinhar President ta’ Malta.

Din id-Dar qed titmexxa mill-Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek u tilqa’ fiha vittmi ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu proġetti bħal dawn mhumiex biżżejjed u l-ħidma biex jitqajjem għarfien trid tkompli bla waqfien biex jitwassal it-tagħlim f’pajjiżna.

Dwar kundizzjonijiet marbutin mal-ikel tkellimna mal-Psikjatra Anton Grech, Chairman ta’ Dar Kenn għal Saħħtek.

Hu propju għalhekk, bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar dawn il-kundizzjonijiet, li d-Dipartiment fi ħdan l-Isptar Monte Karmeli, flimkien mal-Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek, nhar il-Ġimgħa li ġej, it-18 ta’ Lulju, se jorganizzaw konferenza bit-tema: ‘L-ikel: Bżonn, Pjaċir jew Problema?’

Għal din il-konferenza ġew mistiedna professjonisti mit-tim multidixxiplinarju li jinkludu psikjatra, psikologu, nutritionist, dietician, occupational therapist kif ukoll fiżjoterapista – professjonisti li kollha jaħdmu f’Dar Kenn għal Saħħtek u li se jitkellmu fuq kura u prevenzjoni mill-aspett professjonali tagħhom.

Dwar din il-konferenza tkellimna mal-Kap tad-Dipartiment tal-Occupational Therapy fl-Isptar Monte Karmeli Catherine Galea.

Min jixtieq jattendi għal din il-konferenza, li se ssir f’lukanda ewlenija f’Buġibba, jew inkella jakkwista iktar informazzjoni, jista’ jibbukkja fuq l-email otawarenessday@gmail.com jew billi jċempel fuq 23304069.