Qorti

Konfermata sentenza fil-konfront ta’ omm li ssawwat lil bintha bi xkupa

L-Imħallef Antonio Mizzi ikkonferma sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ omm; dik ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstabet ħatja li sawtet lil bintha ta’ disa’ snin bi xkupa u anke bil-ponn.

Il-każ imur lura għall-2002 meta l-omm kellha 30 sena, kienet instabet ħatja li fl-24 ta’ Lulju ta’ 12-il sena ilu, u fil-ġranet ta’ qabel, ħebbet għal bintha bi xkupa u kkaġunatilha sfreġju f’wiċċha. Hija nstabet ħatja wkoll b’moħqrija fuq bintha, li żammitha kontra l-volontà tagħha u li tatha daqqiet bil-ponn, bis-sieq u b’diversi oġġetti. It-tifla qalet li ommha kienet issawwatha għax ma kinitx tagħmel it-tindif tad-dar sew.

Fid-29 ta’ Ottubru, 2013, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitha ħatja u kkundannatha sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin bl-omm ta’ 43 sena tappella quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali.

Is-‘social worker’ xehed li quddiem ommha t-tifla qaltilhom li kienet ħabtet ma’ rħama imma meta kellmuha waħedha baqgħet tisħaq li kienet ommha li sawtitha. It-tifla qaltilhom ukoll li kienet tigdeb għax kienet tibża’ li taqla’ aktar swat.

L-omm qaltilhom ukoll li l-ġrieħi li t-tifla kellha fuq wiċċha kienu seħħew minħabba li hija waqgħet, madankollu l-istess ‘social worker’ innota żewġ ġirien li bdew jagħmlu sinjali minn wara dahar l-omm biex ma jemminhiex.

Tabib forensiku li eżamina lit-tifla ikkonkluda li l-ġerħa li t-tifla kellha fuq għajnha kienet kompatibbli ma’ daqqa ta’ ponn.

In-nanna tal-vittma ikkonfermat li kienet hi li għamlet diversi rapporti dwar dak li kienet għamlet bintha. Wara dawn ir-rapporti li t-tifla u ħuha ttieħdu mingħand l-omm b’ordni tal-Qorti u qattgħu xi żmien f’istitut.

Eks-Pulizija mara ikkonfermat ukoll li wara rapport li daħlilhom il-Pulizija marret fuq il-post u sabet lit-tifla b’diversi tbenġil u punti f’għajnha.

Koppja li għamlu xi żmien joqogħdu mal-omm ukoll semmew is-swat, fejn ir-raġel qal li darba ra lill-omm toħroġ tiġri wara bintha b’lasta ta’ xkupa li kienet mimlija demm.

Il-każ wara kien ħa żvolta differenti meta t-tifla reġgħet xehdet fl-2012 meta għalqet 18-il sena u qalet li mhux vera li ommha kienet issawwatha u li qalet hekk għax kienet tgħir għall-kunjom ta’ ħutha. Hija qalet li kienet weġġgħet għax ħabtet għajnha ma’ rħama u li ġrieħi oħrajn sofriethom wara ġlied ma’ ħuha.

Skont hi, id-demm mal-lasta tal-ixkupa kien dovut għall-fatt li ommha bdiet tferfer il-lasta għax kienet qed tinkwieta fuq dak li kien ġralha hi. Fl-istess waqt il-bint kienet irrimarkat ukoll li hija kienet disposta li taħfer lil ommha u qalet li llum ma jitkellmux fuq il-każ. Mistoqsija jekk kinitx gidbet meta xehdet snin ilu, hija qalet li le.

L-Imħallef Mizzi, li sema’ l-appell tal-omm, qal li mill-provi hu jemmen li l-ewwel verżjoni tal-bint hija aktar verita.

Sadanittant t-tifla, li hija l-vittma f’dan il-każ għadha kemm saret omm hija wkoll u għadha tgħix ma’ ommha minkejja dak kollu li seħħ snin ilu.