Kummerċ Lokali

L-Airmalta tħassar it-titjiriet lejn Tripli

Fi stqarrija l-Air Malta ħabbret li temporanjament ikkanċellati t-titjiriet skedati tagħha ta’ kuljum lejn Tripli, minħabba l-għeluq tal-ajruport Internazzjonali tal-belt kapitali Libjana.

Dan tħabbar wara li uffiċjali tal-ajruport ta Tripli qalu li l-ajruport jista’ jibqa’ magħluq għal numru ta’ jiem minħabba tħassib dwar is- sigurtà tiegħu.

Kelliem għall-linja tal-ajru stqarr li l-Air Malta qegħda kontinwament tarbel is-sitwazzjoni permezz tal-uffiċjali tagħha bbażati fi Tripli. L-istess kelliem saħaq li s-saħħa u sigurtà huma l-prijorita’ numru wieħed għall-Air Malta u l-linja tal-ajru se terġa tibda topera is-servizzi lejn il-belt meta s-sitwazzjoni tirritotorna għan-normal.

Klijenti bbukkjati fuq titjiriet tal-Air Malta lejn Tripli qed jiġu offruti rifużjoni sħiħa tal-biljetti tagħhom jew il-possibbiltà li jibdlu d-data tat-tluq tagħhom b’xejn.

It-titjiriet tal-Air Malta lejn Benghazi huma wkoll sospiżi wara l-għeluq tal-ajruport f’Mejju ta’ din is-sena.