Wara li fl-4 ta’ Lulju li għadda Jason Galea ta’ 40 sena minn Birżebbuġia u George Galea ta’ 42 sena minn San Ġiljan, li huma akkużati bil-qtil ta’ Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru, u ibnu Mario Camilleri Jr. ġew mogħtija il-liberta’ proviżorja, l-istess Jason Galea u Ronald Urry ta’ 49 sena minn Raħal Ġdid ingħataw il-liberta’ proviżorja fuq il-każ ta’ qtil tax-xufier tat-taxi Matthew Galea.
Galea kien instab midfun f’għalqa fil-Qajjenza f’Lulju tal-2013 wara li kien għeb nhar il-15 ta’ Awwissu tas-sena 2012. Huwa kien instab midfun maġenb Mario Camilleri u ibnu. Bħal ma seħħ fil-każ ta’ Jason Galea u George Galea, il-liberta’ proviżorja ngħatat fuq depożitu ta’ €30,000 u ganzija personali ta’ l-istess ammont. Huma kienu ordnati wkoll li ikunu d-dar fis-6.00 p.m. u ma joħorġux qabel it-8.00 a.m.
F’dan il-każ li qed jitmexxa mill-Maġistrat Josette Demicolio ma ngħatatax ordni kif ta l-Maġistrat Tonio Micallef Trigona fuq il-qtil ta’ Mario Camilleri u ibnu li jistgħu joħorġu biss bejn id-9.00 a.m. u l-10.00 a.m. u s-6.00 p.m. u s-7.00 p.m.
Waqt il-provi ħareġ li Jason Galea u Matthew Zahra kellhom xi jgħidu fuq xi flus li Zahra kien silef lil Galea. Zahra ried flusu lura u skont ix-xhieda kien talab interessi fenominali fejn issemma li kien sellfu €6,000 iżda ried tagħhom €500,000. Kien għalhekk li Galea kien iddeċieda li joqtlu.
It-tliet vittmi kienu nstabtu mejtin f’għalqa fil-Qajjenza, limiti ta’Birżebbuġia. Mario Camilleri il-missier ta’ 52 sena kien inqatel Marsaxlokk filwaqt li ibnu Mario ta’ 21 sena, kien inqatel wara sparatura u 34 daqqa ta’ arma fil-Qajjenza, ftit wara. Huma kienu nstabu f’għalqa fl-istess post. Matthew Zahra kellu 27 sena u huwa mill-Belt.
Għal Jason Galea qiegħed jidher l-avukat Joe Gilgio filwaqt li għal Urry qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Għal George Galea qed tidher l-avukat Giannella de Marco. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Anzjan Chris Pullicino, u l-Ispetturi Michael Mallia, Fabian Fleri u Louise Calleja.
//= $special ?>