Lokali

Marlene Farrugia tappella lil Gvern jippubblika l-kuntratt ta’ Sai Mizzi

Kull ma jmur qed tikber l-għajta tal-poplu Malti u Għawdxi biex il-Gvern jippubblika l-kuntratt u d-dettalji kollha dwar l-impjieg li Sai Mizzi, il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ingħatat mill-Gvern stess bħala envoy tal-Gvern fil-Lvant Imbiegħed. Issa kien imiss lid-Deputat Laburista Marlene Farrugia li fl-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Tnejn fil-ġurnal The Malta Independent tappella lil Gvern biex jippubblika l-informazzjoni li qed jitlob il-poplu.

Fl-artiklu tagħha, Marlene Farrugia qalet li hu għal kollox legittimu li n-nies jagħmlu mistoqsijiet u jingħataw riposti dwar kif flushom qed jintefqu mill-Gvern. Skont Marlene Farrugia, Sai Mizzi mhux biss hi għal kollox ikkwalifikata għal impjieg li ngħatat, imma qed tagħti r-riżultati tajbin.
Għalhekk, Marlene Farrugia qalet li ma tistax tifhem għaliex il-Gvern ma jridx jagħti u qed jostor l-informazzjoni li l-poplu qed jitlob.

Marlene Farrugia qalet li bl-imġiba tiegħu, il-Gvern qed jesponi lil mara tal-Ministru Konrad Mizzi għal rabja kontriha mill-poplu filwaqt li l-Gvern qed jirkeb fuq is-suċċess tagħha.

Fl-artiklu tagħha, Marlene Farrugia qalet li filwaqt li Sai Mizzi kienet qed terfa’ l-piż tar-rabja tal-poplu minħabba li ma kienx magħruf il-pakkett finanzjarju li ngħatat mill-Gvern għal impjieg tagħha, il-Gvern kien qed b’mod mgħaggel jimpjega nies b’kapaċitajiet dubjużi f’pożizzjonijiet għolja b’pagi għoljin. Dawn qed iwasslu biex flus il-poplu jitberbqu filwaqt li jkompli jsir hekk sakemm kulħadd jibqa jċedilu.

Sadattant, il-Ħadd il-Partit Nazzjonalista insista li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jippubblika l-kuntratt tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi minnufih.

Fi stqarrija l-PN qal li wara xhur sħaħ ta’ skiet perfett, il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li l-mod kif saret il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi kien żbaljat.

Joseph Muscat ammetta li l-kritika tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi bħala “envoy għall-Asja” kienet waħda ġustifikata.

Il-PN sostna li l-Gvern kompla jiżbalja meta għal sena sħiħa sfida l-opinjoni pubblika u naqas milli jippubblika l-kuntratt tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Dan jikser kull wegħda ta’ trasparenza li l-Parit Laburista tant wiegħed qabel l-elezzjoni. Dan il-ħabi kollu qed isir għaliex il-Gvern jistħi jammetti li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi għandha pakkett finanzjarju li qed jiswa lit-taxpayers Maltin xejn inqas minn €13,000 fix-xahar.

Il-Partit Nazzjonalista sfida lill-Prim Ministru jippubblika l-kuntratt ta’ Sai Mizzi immedjatament bla aktar dewmien. Qal li l-poplu Malti għandu dritt ikun jaf x’inhuma l-kundizzjonijijet li ngħataw lill-mara ta’ Ministru tal-Gvern, mingħajr proċess ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet, li qed titħallas tajjeb ħafna mit-taxxi li l-poplu Malti u Għawdxi jħallas.

Call Out: il-Gvern kien qed b’mod mgħaggel jimpjega nies b’kapaċitajiet dubjużi f’pożizzjonijiet għolja b’pagi għoljin.