L-istatistika maħruġa mill-NSO matul il-ġimgħa li għaddiet turi xejra nkwetanti; bejn Jannar 2014 u Marzu 2014 l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern żdied b’€25 miljun (aktar minn 23%) meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2013. L-istess statistiċi juru li fl-ewwel kwart tal-2014, l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern kien jammonta għal €132.5 miljun.
Fid-dawl ta’ dawn l-istatistiċi, dan l-istazzjon tkellem mal-kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-finanzi Tonio Fenech. Hu wera’ tħassib għal din iż-żieda sinifikanti fl-iżbilanċ tal-Gvern.
“Tajjeb ngħidu li f’dawn l-ewwel tliet xhur l-iżbilanċ ta’ 132 miljun ewro fi tliet xhur hu l-ogħla li Malta qatt kellha f’kull kwart mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea. Dan jindika li minkejja d-diskors tal-Gvern li kollox miexi on track, m’aħniex mexjin xejn on track fl-iżbilanċ.”
Fenech fakkar kif fl-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet, Joseph Muscat dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kien ikkritika lill-gvern Nazzjonalista li nefaq ħafna flus lejliet l-elezzjoni.
“Jidher ċar li din ma kinitx minnha u filfatt ir-realta’ hi li dan il-gvern qed jgħolli l-iżbilanċ. Dan il-gvern ipprova jasal għal żbilanċ taħt t-3% billi ħa dħul minn ta’ din is-sena li wassal għal żbilanċ ħafna iktar ogħla minn dak li kellu jkun fl-ewwel tliet xhur. Dan hu l-mod kreattiv kif donnu dan il-gvern irid jipprova jikkonvinċi lil kulħadd li qiegħed jindirizza s-sitwazzjoni.”
Imma meta wieħed iħares lejn dawn l-istatistiċi dwar l-iżbilanċ, hu iktar inkwetanti meta wieħed iħares lejn is-sors tal-iżbilanċ.
“Dawn iċ-ċifri tal-iżbilanċ mhux dovuti għax il-Gvern qed jinvesti jew jonfoq fuq proġetti kapitali. Filfatt il-proġetti kapitali li qed naraw huma dawk mibdija minn Gvern Nazzjonalista. Dan il-Gvern għadu ma bediex proġett kapitali ġdid bill-baġit tal-Gvern. Il-proġetti li għaddejjin bħalissa saru jew minn fondi tal-Unjoni Ewropea jew proġetti li kienu diġa’ nbdew.”
L-istatistiċi juru li n-nefqa, li kienet fil-livell ta’ €819 miljun, żdiedet fil-benefiċċji soċjali u fost l-oħrajn fil-pagi taċ-Ċivil. Dan ikompli jikkonferma ż-żieda fl-impjiegi mal-Gvern, fejn irriżultat żieda ta’ ftit aktar minn €18 miljun fin-nefqa tal-Gvern.
“L-iżbilanċ tal-Gvern ġej minn nefqa ikbar tal-Gvern f’salarju u pagi għax il-Gvern, biex inaqqas il-qgħad, intefa’ jimpjega nies ġodda maċ-ċivil. Dan qed ipoġġi piż fuq in-nefqa tal-Gvern li rridu nibqgħu nġorru għas-snin li ġejjin.”
Kuntrarju għall-ispejjeż fuq proġetti kapitali, is-salarju u l-pagi tal-ħaddiema jorbtu lill-Gvern, u gvernijiet suċċessivi għal spiża li tibqa’ tintiret.
“Dan il-Gvern qed idaħħal lill-pajjiż f’commitments li jridu jintrefgħu fis-snin li ġejjin, anke’ jekk l-andament tal-ekonomija ma tkunx waħda tajba,”
Quddiem dawn il-fatturi nkwetanti għal pajjiżna, jispikka s-skiet assolut minn naħa tal-Gvern. Dan mhux sorpriża għal Tonio Fenech.
“Drajniha min-naħa tal-Gvern li meta toħroġ statistika li tidher kemmxejn pożittiva, il-Ministru tal-Finanzi joħroġ stqarrija u jgħidilna kemm hi pożittiva. Imma fi statistika importanti ħafna bħal din, li ttieħdet fuq il-kejl tal-Unjoni Ewropea, fejn joħroġ li l-iżbilanċ jinsab fl-ogħla livelli kemm ilna fl-Unjoni Ewropea, ma’ toħroġ l-ebda stqarrija mill-Ministru biex jispjega x’qed jiġi.”
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dan juri l-istat kożmetiku li jaħdem bih dan il-gvern; jixhed il-mod kif il-gvern ilibbes il-prestazzjoni tiegħu billi jaħbi dawk li qed ikunu n-nuqqasijiet tiegħu u jiftaħar biss b’dak li jagħmel u jaħseb li jkun tajjeb.