Lokali

Simon Busuttil jiddeskrivi laqgħa mal-MDA bħala pass importanti u posittiv

Il-laqgħa li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi kellha mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hija pass importanti u posittiv li għandu jiftaħ paġna ġdida fir-relazzjoni ta’ bejn iż-żewġ naħat.

Dan kien il-messaġġ li twassal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi – l-MDA, Sandro Chetcuti, f’laqgħa, li l-President tal-MDA iddeskriviha bħala mument sabiħ ħafna, hekk kif l-istedina ta’ Simon Busuttil għal laqgħa mal-MDA kienet l-ewwel stedina min-naħa tal-Partit Nazzjonalista għal laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi kemm din ilha mwaqqfa.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-laqgħa mal-MDA għandha tkun l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat li għandhom jibqgħu isiru, b’relazzjoni li għandha tkun waħda feliċi, minkejja li jista’ jkun il-każ li mhux dejjem ikun hemm qbil. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel ma’ żvilupp sostenibbli, u mhux żvilupp bl-addoċċ.

Fuq l-istess linja, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti li qal li jixtieq jara r-relazzjoni tal-assoċjazzjoni mal-PN tissaħħaħ, filwaqt li qal li jaqbel li l-iżvilupp għandu jkun sostenibbl għall-ġid tal-iżviluppaturi, tal-industrija u tal-pajjiż.