Futbol Sport

Valletta FC għada jibdew l-avventura tagħhom fiċ-Champions League

Għada fis-6.30 ta’ filgħaxija, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali Valletta jibdew l-avventura tagħhom fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League.

L-avversarji għal Valletta huma iċ-Champions tal-Ażerbaijan Qarabag.

Mir-rebħ tal-Kampjonat Malti ftit tax-xhur ilu it-tim Belti għadda minn bidla. Dan għaliex għal dan l-istaġun it-tim huwa fdat f’idejn l-ex player u captain Gilbert Agius. Ġimgħat ilu Valletta rebħu l-ewwel unur tal-istaġun meta rebħu l-Euro Cup li kienet okkażjoni ideali għall-Agius sabiex jara l-potenzjal tal-akkwisti ġodda.

Għal partita kontra Qarabag , Valletta mistennija jkollhom fit-tim l-aħħar akkwisti fosthom Raphael Kooh Sohna, lil-eks difensur ta’ Hibernians Ryan Camilleri, l-eks goalkeeper ta’ Tarxien Nicky Vella, il-Portugiż Hugo Faria, kif wkoll Hamed al Kamali.

Wieħed jittama li l-Awstraljan Adrian Żahra jkun tajjeb għal logħob wara li kien imweġġa. Flimkien ma dawn fil-qalba tad-difiża Ryan Fenech u l-veteran Luke Dimech u l-attakkant Tuneżin Abdel Karim Nafti.

L-avversarji għal Valletta, Qarabaq imwaqqfa fl-1951 huma ċ-Champions tal-Azerbaijan fejn l-istaġun li għadda kien it-tieni rebħ tal-Kampjonat Ażeri wara s-suċċess li kellhom fl-1993.

L-aqwa scorer għalihom l-istaġun li għadda kien il-Brażiljan Reynaldo bi 22 gowl. It-tim mill-2008 huwa f’idejn l-eks player tagħhom Gurban Gurbanov.