Qorti

Xhieda ta’ inġinier responsabbli mid-distribuzzjoni tal-elettriku f’kawża ta’ libell dwar smart meters

Inġinier li kien responsabbli mid-distribuzzjoni tal-elettriku tal-Enemalta qal fil-Qorti qal li minkejja li bl-‘smart meters’ il-korporazzjoni ħasbet li s-serq tal-elettriku seta jkompli jonqos, fil-fatt ġew żviluppati kalamiti li bihom bdew jiġu mbagħbsa l-iktar fejn jidħlu dawn li ‘smart meters‘ tat-‘three phase’.

L-Inġinier Peter Grima żvela dan dan waqt kawża ta’ libel għad-danni li l-eks-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech għamel kontra Charlon Gouder, ex ġurnalista ta’ One u li llum jaħdem fil-Ministeru tas-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera, fejn ġie allegat li l-ex Ministru kien jaf bit-tbagħbis tal-‘smart meters’ imma m’għamel xejn.

Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale Grima beda biex qal li t-telf tal-elettriku għall-Enemalta huwa dovut kemm għal telf tekniku u kemm għal dak li mhux tekniku, li jfisser serq, kontijiet li ma jirriflettux il-konsum u ‘smart meters’ li ma jkunux jaqraw l-elettriku kif suppost.

L-Inġinier Grima semma li matul l-aħħar snin l-Enemalta naqqset it-telf tal-elettriku u bid-dħul tal-‘smart meters’ kompla jonqos, iżda bejn l-2011 u l-2012 ma naqasx kif mistenni u għalhekk issuspettaw li jew kien qed isir it-tbagħbis jew il-kontijiet ma kienux maħruġin sew.

Kien hawn li semma l-iżvilupp ta’ kalamiti li wasslu għat-tbagħbis fl-‘smart meters’ u għalhekk l-Enemalta bdiet tiddiskuti ma’ min kien jissupplixxiha bihom.

Grima kompla jgħid li huma waslu għall-konklużjoni li s-sistema kienet tali li diffiċli jekk mhux impossibbli jsir tbagħbis fl-apparat minn ġewwa. Huma anke għamlu testijiet fuq l-‘smart meters’ fejn ħareġ li biex jiftħu l-kaxxa bilfors kienu se jħallu xi traċċi.

Kompla jgħid li l-Enemalta ma kinietx f’pożizzjoni li tkun taf liema ‘meters’ kienu ġew imbagħbsa. L-Inġinier Alan Micallef, li ħa post Grima fir-responsabbiltà tad-distribuzzjoni tal-elettriku, semma kif kien għall-ħabta ta’ Ġunju u Lulju tas-sena l-oħra li tqajjmu suspetti fi ħdan l-Enemalta li seta kien hemm it-tbagħbis fl-‘smart meters’.

Huwa qal li mill-istħarriġ li sar ħareġ li kien hemm ‘smart meters’ li kienu qed jaqraw inqas konsum milli suppost u kif sar jaf b’dan informa lil ta’ fuqu. Għal Tonio Fenech deher l-Avukat Peter Fenech filwaqt li għal Charlon Gouder qed jidher l-Avukat Aaron Mifsud Bonnici.