Għalkemm SkolaSajf u Klabb 3-16 kellhom jittardjaw b’ġimgħa minħabba dak li l-MUT sejħet bħala fjask u diżastru mill-Fondazzjoni ghas-Servizzi Edukattivi, jidher li sal-lum għad hemm il-problemi.
Dan kien ikkonfermat minn Evarist Bartolo, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol meta kien mistoqsi minn In-Nazzjon dwar is-sitwazzjoni preżenti. Hu qal li s-sitwazzjon t-Tnejn kienet aħjar milli kienet nhar il-Ġimgħa meta fetħu SkolaSajf u Klabb 3-16. Hu qal li għad hemm xi problemi fuq Learning Support Assistants li qed ikunu indirizzati.
Il-Ministru Bartolo qal li din is-sena hemm it-tripplu ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jattendu SkolaSajf u Klabb 3-16 meta mqabbel mas-snin ta’ qabel.
Hu fakkar ukoll li din is-sena hemm rekord ta’ tfal li qed jattendu SkolaSajf u Klabb 3-16 jew kważi 11,000 tifel u tifla u dan kien jeħtieġ preparazzjoni kbira u għalhekk jekk ma jkunx hemm preparazzjoni tajba bħalma ġara, jkun hemm il-problemi.
Mistoqsi jekk kinitx solvuta l-problema tan-nuqqas ta’ għalliema u carers li wasslet biex Skola Sajf u Klabb 3-16 kellha tkun posposta b’ġimgħa, il-Ministru Bartolo qal li għalkemm suppost li din kienet solvuta ħlief f’ċerti każi fejn is-sitwazzjoni qed tkun analizzata billi qed jitlaqqgħu il-koordinaturi u l-mentors biex jgħidu x’inhi s-sitwazzjoni u f’liema ċentri jista’ jkun li baqa’ xi problemi biex ikunu indirizzati fil-jiem li ġejjin.
SkolaSajf u Klabb 3-16 kellhom jiftħu nhar it-Tnejn 7 ta’ Lulju imma minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani u diżorganizzazzjoni mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, kellhom ikunu pospoti b’diversi jiem.
Minkejja li l-MUT stess qalet li kienet ilha twissi lill-Gvern u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni bil-problemi li kien hemm għal aktar minn tliet ġimgħat, il-Ministru Evarist Bartolo tefa’ l-problema fuq il-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, li hi responsabbli mill-iskema.
//= $special ?>