Hekk kif il-kumpanija ‘Caremark’ nediet is-servizzi tagħha ġewwa Għawdex, kemm il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva Justyne Caruana kienu preżenti u attendew għat-tneddija ta’ dawn is-servizzi ġodda f’Għawdex minn din il-kumpanija.
Iżda wara t-tnedija ta’ dawn is-servizzi, saret xi ħaġa li normalment ma ssirx… jew inkella, ssir b’mod differenti.
Meta jkun hemm aktar minn Ministru jew Segretarju Parlamentari wieħed f’attivita’ partikolari, hija l-prassi li wara li tintemm l-attivita’, tintbgħat lill-midja stqarrija waħda minn Ministeru wieħed bid-dettalji kollha tal-attivita’ konċernata, u siltiet mid-diskorsi kollha li jsiru.
Iżda għal xi raġuni, it-tnedija tas-servizzi ta’ ‘Caremark’, li għaliha kienu mistednin kemm il-Ministru Anton Refalo kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana rat liż-żewġ deputati tal-Gvern jibgħatu lill-midja żewġ stqarrijiet separati.
L-istqarrija mibgħuta mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo tinkludi dettalji dwar is-servizzi li ġew imnedija f’Għawdex, siltiet mid-diskors tal-Ministru, kif ukoll taċ-Chairperson tal-kumpanija f’Malta.
L-istqarrija mibgħuta mis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana tinkludi biss siltiet mid-diskors tagħha waqt it-tnedija ta’ dawn is-servizzi f’Għawdex.
Mhux magħruf eżattament għal liema raġuni f’din l-okkażjoni iż-żewġ deputati tal-Gvern ma mxewx mal-prassi u ħassew il-bżonn li jibgħatu żewġ stqarrijiet separati. Analisti politiċi kkumentaw ma’ dan il-ġurnal li l-fatt li ż-żewġ deputati jikkontestaw l-istess distrett tista’ tikkontribwixxi għal qasma li tista’ teżisti bejn il-Ministru għal Għawdex u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ u l-Anzjanita’ Attiva’.
//= $special ?>