Sai Mizzi ma tħallasx taxxa daqs ħaddieħor, meta diġà hemm ambaxxatur
Il-pakkett ta’ 13,000 ewro fix-xahar li mart il-Ministru Konrad Mizzi qed tgawdi mill-Gvern Laburista issa huma kkonfermati mill-kuntratt li l-Prim Ministru qiegħed fuq il-mejda tal-Kamra mingħajr ma spjega l-pagamenti kollha li fih. Apparti lista twila ta’ pagamenti lis-Sinjura Mizzi, il-kuntratt tagħha jgħid li hi tħallas taxxa biss fuq nofs is-salarju. Din il-kwistjoni mhijiex fuq ambaxxatur li diġà hemm iċ-Ċina, u li jismu Clifford Borg Marks, imma fuq il-mara ta’ Ministru.
Il-mara ta’ Konrad Mizzi hi l-mara ta’ Ministru tal-Gvern Laburista u l-Prim Ministru qed jagħżel li jiddefendi din il-ħatra li waħda bħalha ma ssir fl-ebda pajjiż serju. Anke kummentaturi li ssoltu jxaqilbu lejn il-Partit Laburista qed jikkritikaw il-ħatra ta’ mart Ministru u li ħatriet bħalha jsiru biss f’pajjiżi tat-tielet dinja.
Mart il-Ministru Konrad Mizzi gidbet sfaċċatament lill-ġurnali Maltin f’intervisti li tat waqt iż-żjara tal-Prim Ministru Muscat fiċ-Ċina. Hi tat ċifra giddieba lill-ġurnalisti meta fil-fatt f’salarju biss taqla’ d-doppju, apparti l-ħafna ħlasijiet l-oħra.
Il-pakkett finanzjarju li qed tgawdi l-mara tal-Ministru Mizzi issa hu kkonfermat li jitla’ għal €13,000 fix-xahar kif dejjem qal il-Partit Nazzjonalista.
Mart il-Ministru Mizzi qed tieħu:
ħlas għar-residenza fejn toqgħod hi u t-tfal kollox inkluż ħlief lożor u mħaded,
ħlas għall-karozza tagħha, il-fuel u x-xufier,
il-ħlas tal-iskejjel tat-tfal tagħha stmati sa massimu ta’ €51,000 fuq tliet snin;
allowance oħra għat-tfal ta’ €8,700,
ħlas għas-servizz tat-telephone u l-mobile imħallas kollu,
€10,000 f’allowance għar-rappreżentanza tagħha,
allowance biex tissetilja ta’ €8,700,
ħlas għal container biex iġġorr,
ħlas għall-kura medika, dentali, u tal-għajnejn,
ħlas ta’ insurance għal dak kollu li jista’ jinqala’,
ħlas għall-ilbies u għad-divertiment f’ospitalità,
is-salarju li jitla’ għal €222,000 fuq tliet snin, u
biljetti tal-ajru għaliha u għat-tfal tagħha minn Malta u miċ-Ċina.
Stima konservattiva tal-ħlasijiet tas-Sinjura tal-Ministru Konrad Mizzi titla’ għal madwar 475,000 ewro li, diviżi b’36 xahar, jiġu 13,000 ewro fix-xahar.
Il-pakkett tas-Sinjura Mizzi jinkludi wkoll kundizzjoni li mart il-Ministru Mizzi tħallas taxxa fuq nofs is-salarju biss. Jiġifieri, il-ħaddiem Malti jkollu jħallas it-taxxa kollha fuq il-paga sħiħa tiegħu biex jagħti 13,000 fix-xahar lis-Sinjura Mizzi li, min-naħa tagħha, lanqas biss tħallas it-taxxa sħiħa.
Il-Prim Ministru qed jgħid li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi titħallas l-istess bħal ambaxxatur. Imma diġà hemm ambaxxatur fiċ-Ċina li hu Clifford Borg Marks u li nħatar minn dan il-Gvern stess f’Awwissu li għadda. Għalhekk, il-kwistjoni tat-13,000 ewro fix-xahar mhix dwar xi ambaxxatur, imma dwar il-mara ta’ Ministru.