It-Tazza tad-Dinja spiċċat, u għall-ewwel darba, pajjiż Ewropew rebaħ edizzjoni fl-Amerika t’Isfel. Mhux biss; il-Ġermanja rebħet f’pajjiż li hu l-aktar dekorat fil-futbol u kien favorit f’daru – il-Brażil – u rebħitlu b’mod impressjonanti fis-semifinali.
Karatteristiċi fil-logħob u aktar
Għalkemm l-andament ta’ pajjiż ma jitkejjilx mill-futbol – fl-aħħar mill-aħħar dan hu logħob – u diversi pajjiżi rebħu t-Tazza tad-Dinja fil-futbol waqt li kienu sejrin ħażin f’oqsma oħrajn, il-Ġermanja fl-aħħar sittin sena – li fihom rebħet erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja – kienet żgur xempju ta’ pajjiż immexxi tajjeb u miexi tajjeb.
U l-karatteristiċi li għamlu l-Ġermanja moderna pajjiż ta’ suċċess, wara l-istorja kerha tat-Tieni Gwerra Dinjija, rajniehom ukoll fit-tim tal-Ġermanja u r-rebħ li għamel.
Konsistenza u effiċjenza
Il-konsistenza; kważi dejjem hemm il-Ġermaniżi – fl-aħħar sittin sena telgħu final f’nofs l-edizzjonijiet. L-effiċjenza f’tournament li fih il-Ġermaniżi ġieli ħolqu anqas ċansijiet mill-avversarji, imma ċ-ċansijiet li ħolqu ħaduhom.
Pajjiż intelliġenti u esiġenti
Pajjiż li juża l-intelliġenza aktar milli l-emozzjoni; ħaġa li taraha ħafna fl-ekonomija b’saħħitha Ġermaniża li tinvesti bil-għaqal fl-esportazzjoni ta’ prodotti tal-aqwa kwalità. Għax pajjiż esiġenti; joffri l-aqwa standards u jippretendihom ukoll.
Bżulija u umiltà
Pajjiż li jiftaħar anqas u jaħdem aktar bi bżulija. Iġorr il-wirt ikrah tal-gwerer b’umiltà li rajnieha mqar fil-mod ta’ ġentlomi kif il-players Ġermaniżi kkunslaw lil dawk Brażiljani wara waħda mill-akbar umiljazzjonijiet li qatt rajna fit-Tazza tad-Dinja.
L-ewwel mill-għaqda
Dan is-suċċess tal-Ġermanja fil-futbol kien l-ewwel wieħed tagħha kemm ilha magħquda wara kważi 50 sena mifruda bejn il-Punent ħieles u l-Lvant Komunista.
Ankrat fl-għaqda Ewropea
Imma l-Ġermanja llum hi l-pajjiż li fl-għaqda tagħha ssostni l-għaqda Ewropea, anke finanzjarjament. Kienet kruċjali biex salvat l-ewro mill-kriżi tad-djun f’pajjiżi tal-Mediterran. Pajjiż ta’ prudenza finanzjarja kbira u magħrufa.
Valur lill-ispirtu kollettiv
Pajjiż li jagħti valur lill-ispirtu kollettiv; tim veru fil-futbol mingħajr players b’ħafna prosopopej; spirtu kollettiv li rajnieh ukoll meta l-parti tal-Punent għenet bil-qawwi lil tal-Lvant biex ingħaqdu; u llum narawh fil-ħidma Ġermaniża fil-qalba tal-Ewropa.
Il-futbol jibqa’ logħob; imma hu wkoll metafora ta’ oqsma oħrajn. F’dan is-suċċess tagħha, ma nagħmlux ħażin inħarsu lejn il-Ġermanja moderna, u mhux fil-futbol biss.
//= $special ?>