Lokali

Il-Gvern la jrid jippubblika u wisq anqas jiddiskuti l-kuntratti li ffirma dwar l-enerġija – il-PN

Diskussjoni dwar abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta ma setgħetx tibda fil-Parlament wara li l-Gvern ma rnexxielux jipprovdi kworum għas-seduta tal-bieraħ filgħaxija.

Minkejja maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet u minkejja l-importanza li l-Gvern qed jagħti lil dan l-abbozz, ma rnexxielux jipprovdi kworum biex id-diskussjoni tista’ ssir.

Fis-seduta tat-Tlieta kellha tibda tkun diskussa abbozz ta’ liġi biex il-Korporazzjoni Enemalta tinbidel f’public liable company (plc). Minħabba nuqqas ta’ kworum is-seduta ġiet aġġornata.

Fi stqarrija b’reazzjoni il-PN qal li Huwa ta’ għajb li għal diskussjoni daqstant importanti għal pajjiż – dik dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta – l-Gvern ma kellux imqar nofs id-Deputati tiegħu biex din id-diskussjoni setgħet issir. Aktar u aktar meta l-istess Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma jippubblikax il-kuntratti u d-dokumenti li ffirma ma’ entitajiet privati u barranin. Il-Partit Nazzjonalista reġa’ appella lill-Gvern biex jagħti rendikont tad-dettalji li hemm fil-kuntratt li ġie ffirmat dwar il-provista tal-elettriku f’pajjiżna.

It-Tlieta l-Partit Nazzjonalista talab lill-Ispeaker tal-Kamra biex jagħti ruling biex id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta ma tibdiex qabel il-Gvern ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratti kollha li ffirma u li b’xi mod jew ieħor se jkunu qed iħallu impatt fuq l-Enemalta. Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista qal li ma qabel xejn mal-mod kif mexa l-Ispeaker tal-Kamra, li malli ntalab dan ir-ruling, minflok ma ssospenda l-Kamra sakemm jagħti r-ruling – kif jiġri b’mod regolari – u jiddeċiedi jekk għandiex tibda din id-diskussjoni jew le – ordna lid-Deputy Speaker biex imexxi d-diskussjoni hu sakemm jingħata r-ruling.

Il-Partit Nazzjonalista esprima wkoll id-diżappunt tiegħu għall-fatt li għall-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari, ħin li suppost qiegħed hemm biex il-Membri tal-Kabinett iwieġbu għall-mistoqsijiet li jsirulhom mid-Deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra, preżenti fil-Kamra tar-Rappreżentanti kien hemm biss 4 membri minn total ta’ 23 membru tal-Kabinett.

It-Tlieta wkoll, il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ma setax jitlaqqa’ lanqas għaliex l-ebda membru tal-Gvern ma attenda, u għalhekk ma kienx hemm kworum.