Ambjent Lokali

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jappella mid-deċiżjoni tal-MEPA dwar bini ta’ 12-il razzett qrib id-Dar tal-Providenza

[headlines headline=”h3″ ]Ser jitwaqqaf grupp ta’ azzjoni kontra l-proġett u tintalab laqgħa urġenti mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes [/headlines]

F’laqgħa urġenti li saret it-Tlieta filgħaxija, l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ddeċieda b’mod unanimu li jappella mid-deċiżjoni li l-MEPA ħadet nhar il-Ħamis 10 ta’ Lulju 2014 u li permezz tagħha approvat l-applikazzjoni outline bin-numru ta’ referenza PA/07823/06 deskritta bħala “Construction of 12 farms and a centralised dairy waste digester and waste conversion facility (WD & WCF).”

Din l-applikazzjoni hija dwar il-proġett tal-Gvern sabiex jinbnew 12-il razzett tal-baqar u faċilitajiet oħra b’tankijiet kbar fiż-żona ta’ San Niklaw li tinsab qrib id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ilu minn Lulju tas-sena 2012 li ħa pożizzjoni unanima kontra dan il-proġett.

Il-mozzjoni li kienet proposta minn DKarol Aquilina, Sindku tas-Siġġiewi, u ssekondata minn Nicholas Cassar – Kunsillier u Minority Leader fis-Siġġiewi, tgħid li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jqis u jemmen li l-proġett imur kontra l-interessi tal-lokalità tas-Siġġiewi u għalhekk jemmen li l-ħidma kontra dan il-proġett għandha tkun lil hinn mill-politika u wisq aktar lil hinn mill-politika partiġġjana.

Waqt l-istess laqgħa tal-lejla, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ddeċieda b’mod unanimu li jwaqqaf grupp ta’ azzjoni kontra dan il-proġett u li jistieden lid-Dar tal-Providenza, lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi u lill-entitajiet u għaqdiet non-governattivi oħra sabiex jiffurmaw parti minn dan il-grupp. Il-Kunsill Lokali ddeċieda wkoll li jitlob laqgħa urġenti mas-Segretarju Parlamentari l-Onor. Roderick Galdes, biex iwassal direttament lilu l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi dwar dan il-proġett.

Ritratt: Pjanta li turi s-sit fejn qiegħed jiġi propost li jinbnew 12-il razzett tal-baqar fiż-żona ta’ San Niklaw viċin id-Dar tal-Providenza