L-amminsitrazzjoni Laburista qed taħdem biex ikun Marc Vella Bonnici li jieħu l-kariga ta’ Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Vella bonnici ġab biss 256 fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali madankollu hu midħla sew tal-Partit Laburista fejn jokkupa l-kariga’ ta’ Segretarju Internazzjonali.
Missieru Marc hu Joe Vella Bonnici, eks kandidat tal-Partit Laburista li ma ġiex elett fl-aħħar elezzjoni imma li l-Gvern ippremjah bit-tmexxija ta’ Identity Malta – l-aġenzija li tieħu ħsieb il-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Dan joħroġ minn informazzjoni li waslet lil dan l-istazzjon mill-qalba tal-Partit Laburista. Din is-sitwazzjoni kienet diskussa nhar it-Tnejn filgħaxija waqt laqgħa li l-Kunsilliera tal-Partit Laburista f’Ħaż-Żabbar kellhom mad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela, li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali fi ħdan il-Partit
Din il-laqgħa ssejħet biex jiġi diskuss il-futur tal-Kunsill Lokali tagħhom wara li s-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri tefa’ r-riżenja tiegħu fid-dawl tal-kundanna qawwija minn naħa tal-Bord tal-Governanza Lokali li sab lil Scerri u lill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista ħatja ta’ numru ta’ irregolaritajiet.
Madankollu għad mhux magħruf jekk din ir-riżenja ġietx aċċettata. Dan l-istazzjon jinsab infurmat li Quinton Scerri għadda l-ittra tar-riżenja tiegħu lis-Segretarju Parlamentari għall-gvern lokali Stefan Buontempo … liema ittra jista’ jkun li għadha ma’ waslitx f’idejn is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-lokal.
Din il-laqgħa li saret fil-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista bil-barka tal-Prim Ministru Joseph Muscat li flimkien ma Toni Abela u Ronnie Pellegrini kien ilu xhur jipprova jsolvi l-ġlieda nterna bejn il-Kunsillieri Laburisti u s-Sidnku Quinton Scerri. Madankollu dawn l-attentati fallew.
Is-sorsi tagħna fi ħdan il-Partit Laburista qalulna li l-kunsillieri Laburisti qed jirrifjutaw li jieħdu l-kariga’ vagata minn Quinton Scerri minħabba l-inkwiet li jeżisti fi ħdan il-kunsill. Dan minbarra li hemm oġġezzjoni qawwija li John Pace jieħu l-kariga’ ta’ Sindku, li baqa’ jattendi regolarment għal laqgħat tal-Kunsill Lokali għaliex kien l-uniku kunsillier li baqa’ jappoġġja lil Quinton Scerri.
Intant, meta kkuntattjat minn The Times of Malta, Quinton Scerri qal li se jkun qed jiehu azzjoni legali wara dan ir-rapport tal-Bord tal-Governanza li kkonkluda li hu mhux ta’ min jafdah u mhux kredibbli.
Dan għaliex, skont hu, il-konklużjonijiet huma nfondati b’allegazzjonijiet bla bażi. Iddeskriva dan irapport bħala wieħed mhux ġust li jinkludi numru ta’ żbalji u ineżattezzi li l-iskop tagħhom hu li jħammġu r-reputazzjoni tiegħu.
L-artiklu tat-Times of Malta jikkwota korrispondenza fejn Quinton Scerri qed jisħaq li saru manuvri biex hu jitneħħa minn postu u jiftaħ post għal ħaddieħor.
Filfatt hu jistaqsi għaliex kien hemm tant reżistenza għat-talba tiegħu biex Ronnie Pellegrini ma’ jkomplix jisma’ l-każ tiegħu. Filfatt f’din il-korrispondenza, Quinton Scerri hu kkwotat jgħid li ma jistax ikollok persuna li tkellem fin-negattiv kontrik fil-passat ipoġġi fuq kumitat li se jiddeċiedi dwari. Ma jistax ikollok kunfidenza f’dan il-persuna.”
//= $special ?>