IL-Lombard Bank kien ordnat mill-Qorti biex iħallas lil żewġ “account holders” barranin is-somma ta’ $250,000 wara li dan ma eżerċitax il-passi dwar “due diligence” meta ippermetta li tinġibed din is-somma mill-kont tagħhom.
Ali El-Haddar u Saleh Frage Abuaisha kienu fetħu kont, “joint account” fejn dawn ittrasferew aktar minn $480,000. F’Jannar tas-sena 2000, meta El Haddar mar il-bank biex jiġbed $10,000, huwa skopra li US$250,000 kienu ġew trasferiti mill-kont tiegħu.
Skont El Haddar, dan it-trasferiment sar minn fuq fax li allegatament kellha l-firma tiegħu. Huwa qal ukoll fil-Qorti li qatt ma kien awtoriżża li jsir dan it-trasferiment. Qal li lanqas ma kellu l-ebda konnessjoni mal-kont fejn ġew trasferiti l-fondi.
Il-bank Lombard ikkonferma li t-trasferiment sar permezz ta’ fax li kien irċieva l-bank, li qal li kien offra li ż-żewġ persuni jirkupraw il-fondi minn bank fl-Albania fejn sar it-trasferiment iżda l-awtoritajiet Albaniżi ma kkoperaw xejn.
Il-General Manager tal-bank qal fil-Qorti li meta kien sar ftehim mill-bank li jaċċetta struzzjonijiet minn fuq it-telefon jew permezz ta’ fax insista li l-klijent jiffirma formola msejjħa “indemnity”
Dan ifisser li meta l-bank jaċċetta l-istruzzjonijiet bil-fax, il-klijent għandu jitfa’ fuqu r-rskju tat-tranżazzjoni u li jeżenta lil bank minn kull responsabbilita’. Jekk il-klijent jirrifjutra li jiffirma din il-formola, il-bank ma jaċċettax li jimplimenta il-ħlas fuq ordnijiet li jaslu permezz ta’ fax.
Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Joseph Zammit McKeon qal li ma kienx sodisfatt li l-bank ħa l-prekawzjonijiet neċċessarji biex jiżgura li l-istruzzjonijiet li rċieva bil-fax kienu awtentiċi qabel ma mplimenta l-istess struzzjonijiet. Il- bank messu ġab aktar informazzjoni u konfermazzjoni dwar struuzzjonijiet mill-klijenti tiegħu.
Irriżulta wkoll li wara dan il-każ il-bank bidel il-prattiċi tiegħu u beda jagħmel aktar verikazzjonijiet minn fuq it-telefon. Il-Qorti qalet ukoll li ma kienitx sodisfatta li l-bank ħa l-miżuri neċċessarji biex jivverifika l-firem.
Formola minn fax, ma setgħet qatt teżonera lill-bank milli jagħmel l-affarijiet kif suppost u lanqas permezz ta’ formola, ma jistax ikun rasu mistrieħa fil-konfront tal-klijenti tiegħu. Il-Qorti qalet ukoll li hija kienet qed tordna lil bank biex iħallas lil persuni nvoluti s-somma ta’ $250,000 bl-interess b’kollix minn Mejju tal- 2001.
//= $special ?>