Lokali

AĠĠORNATA: Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Jean Claude Juncker fil-ħatra tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Partit Nazzjonalista feraħ lil Jean Claude Juncker fil-ħatra tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, u jawguralu biex iżomm l-aspirazzjoni ta’ bosta ċittadini Ewropej fuq nett tal-aġenda tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista innota l-vot qawwi li ġab Juncker aktar kmieni llum, xi ħaġa li tikkonferma kemm il-prijoritajiet li tkellem dwarhom Juncker fix-xhur li għaddew huma l-istess prijoritajiet li għandhom il-popli Ewropej.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema għall-Affarijiet Ewropej Marthese Portelli, il-Partit Nazzjonalista innota wkoll id-diskors li għamel il-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdid Jean Claude Juncker li wiegħed li se jkun qed jiffoka l-ħidma tiegħu fuq it-tisħiħ mill-ġdid tal-ekonomija Ewropea.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li sa mill-bidu net wera fiduċja f’Jean Claude Juncker, għaliex jemmen li bl-esperjenza li għandu, kapaċi jagħti din l-enerġija l-ġdida biex l-Unjoni Ewropea tkompli tissaħħaħ kemm mill-lat politiku kif ukoll mill-lat ekonomiku.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li bla dubju, l-prijoritajiet tal-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdid għandhom ikunu l-ħolqien tax-xogħol, aktar kompetittivita’ u tkabbir ekonomiku fis-suq Ewropew.

Aġġornata: Id-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew tifraħ lil Juncker

Intant fi stqarrija oħra, it-tlett ewroparlamentari Maltin, David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia ferħu għall-elezzjoni ta’ Jean-Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni.

Fi stqarrija, il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa qal li l-elezzjoni ta’ Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea hija tajba għall-Unjoni Ewropea, tajba għal Malta u rebħa għad-demokrazija.

L-ewroparlamentari Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew qalu li Juncker huwa l-għażla tal-poplu Ewropew b’proposti konkreti favur il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku u impenn favur politika dwar l-immigrazzjoni u l-ażil aktar ġusta.