Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-partiti politiċi jkunu l-vuċi tal-ħafna

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija laqa’ tajjeb il-proposti tal-Gvern dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li ddeskriviha bħala “tema importanti ħafna li għandu jkollha diskussjoni u qbil wiesa’ fil-pajjiż biex nassiguraw li l-partiti politiċi jkunu l-vuċi tal-ħafna.”

Il-Partit Nazzjonalista nnota wkoll li l-Alternattiva Demokratika ssuġġeriet li fil-liġi proposta jidħlu provedimenti għall-finanzjament mill-Istat tal-partiti politiċi, inkluż ta’ partiti politiċi żgħar.

Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-partiti politiċi huma l-mezz li bih in-nies iwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom f’ugwaljanza bejniethom u fi proċess politiku ħieles u miftuħ. “Biex dan iseħħ, il-partiti politiċi jrid ikollhom l-għodda biex jaħdmu u jaħdmu għall-ħafna u b’mod trasparenti,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li ħafna pajjiżi, u mhux f’Malta biss, il-periklu għall-partiti politiċi hu li jinqabdu mill-interessi tal-ftit li jsiru dipendenti fuqhom għal donazzjonijiet sostanzjali imma li, minħabba dan, jista’ jkollhom influwenza moħbija u ħażina fuq il-proċess politiku.

Hu għalhekk li f’ħafna pajjiżi, speċjalment Ewropej, daħal finanzjament pubbliku għall-partiti politiċi bilanċjat ma’ donazzjonijiet relattivament żgħar mill-membri tal-partiti politiċi u kontroll fuq in-nefqa tal-partiti politiċi. B’hekk, l-ebda interess vestit, magħruf jew moħbi, ma jkollu influwenza fuq xi partit.

Il-Partit Nazzjonalista għaraf li wasal iż-żmien li anke f’pajjiżna, bħal fil-bqija ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, jidħol element ta’ finanzjament mill-Istat li jkun trasparenti u regolat u li jkun jgħodd għall-partiti politiċi kollha bi kriterji maqbula.

Dan diġà daħal f’pajjiżna indirettament permezz ta’ ħlas ta’ €100,000 fis-sena mill-Gvern liż-żewġ partiti l-kbar għal skopijiet speċifiċi. Però, wasal iż-żmien li dan ikun istituzzjonalizzat, ikun jirrifletti ż-żmen tal-lum u jkun estiż għal kull partit politiku.

F’kummenti lil dan il-ġurnal, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami tenna li l-Partit Nazzjonalista hu favur li pajjiżna jkollu liġi li tirregola d-dħul tal-partiti u l-mod kif isiru d-donazzjonijiet lill-partiti mill-individwi.

Imma l-Oppożizzjoni ma waqfitx hawn u marret pass oltre bil-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern, b’ittra miktuba minn Beppe Fenech Adami lill-Ministru Owen Bonnici, biex qabel ma jgħaddi l-liġi tal-finanzjament tal-partiti mill-istadji kollha fil-Parlament, jaħtar Working Group bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ħalli fi żmien xahar jippreżenta rapport lill-Parlament bi proposti konkreti għall-finanzjament mill-Istat lill-partiti politiċi fuq mudelli li diġà jeżistu fil-bqija tal-Ewropa.

Fir-reazzjoni tiegħu wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-ittra, Beppe Fenech Adami qal li l-oppożizzjoni tħoss li “wasal iż-żmien li jkun hawn working group li jiddiskuti l-possibilta’ li l-istat jiffinanzja lill-partiti biex, anke’ għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż, wasal iż-żmien li meta qed nitkellmu fuq liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti, fiha tinkludi wkoll il-finanzjament tal-partiti kbar u żgħar mill-istat.”

Il-Partit Nazzjonalista enfasizza li għandu jkun hemm qbil ħalli l-proċess politiku f’Malta jgawdi aktar leġittimità minn kulħadd u jkun hawn assigurazzjoni akbar li l-proċess politiku jkun qed jaħdem għall-ġid kollettiv.