Internazzjonali

Investigazzjonijiet kriminali dwar tixħim

L-Ogħla Prosekutur taċ-Ċina beda l-investigazzjonijiet kriminali fil-konfront ta’ tliet uffiċjali ewlenin li huma akkużati li aċċettaw it-tixħim biex jippermettu l-pjaċiri.
Jingħad li tnejn mill-akkużati, Li Dongsheng u Jiang Jiemin, għandhom konnessjonijiet mal-eks-sinjurun tas-sigurtà, Zhou Yongkang, li sa ftit ilu kellu influwenza kbira bħala l-Kap tas-Sigurtà Domestika f’dan il-pajjiż.

Li Dongsheng, eks-Viċi Ministru għas-Sigurtà, kien tkeċċa, fi Frar, minħabba abbużi dixxiplinarji serji. Intant, l-awtoritajiet Ċiniżi kienu ħabbru, f’Settembru li għadda, li Jiang Jiemin, li jmexxi l-kummissjoni li tissorvelja l-kumpaniji tal-istat, kien ġie investigat. L-akkużat l-ieħor hu Wang Yongchun li jingħad li hu alleat ta’ Jiang.

Fl-istess ħin, hemm indikazzjonijiet qawwija li Zhou Yongkang qed ikun investigat dwar korruzzjoni anki jekk ma ħarġet l-ebda konferma uffiċjali ta’ dan.

F’każ li l-konferma dwar is-sitwazzjoni ta’ Zhou tingħata mis-sorsi uffiċjali, din tkun ukoll l-ewwel darba li personalità ta’ livell daqstant għoli fiċ-Ċina tkun spiċċat suġġetta għal investigazzjoni ta’ dan it-tip. Dan meta Zhou Yongkang kien jifforma parti mill-iStanding Committee tal-Politburo Komunista, f’Beijing.

Zhou kien irtira, fl-2012, wara karriera li ratu jmexxi l-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà Pubblika u ċ-China National Petroleum Corporation (CNPC), li hi l-akbar kumpanija tal-enerġija f’dan il-pajjiż.

Intant, hu minnu li numru ta’ individwi li allegatament kellhom rabtiet mill-qrib ma’ Zhou wkoll spiċċaw mira ta’ investigazzjoni f’dawn l-aħħar xhur.