Fis-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Jean Claude Juncker ġie kkonferamat b’422 vot favur minn 729 għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Kien hemm 250 vot kontra, 47 asstensjoni, 10 voti invalidi.
Qabel il-votazzjoni għamel messaġġ ċar meta qal li jrid ikun “il-President td-Djalogu Socjali”. Fid-diskors tiegħu qabel il-votazzjoni, Juncker enfasiża li l-iżvilupp Ewopew irid isir billi nħarsu d-dimensjoni soċjali.
Fi Strasburgu, Juncker elenka l-prinċipji u l-prioritajiet tal-ħidma tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Dwar l-ekonomija sostna li din għandha tibqa’ b’saħħitha u kompettitivà. Hu qal li l-ekonomija sservi n-nies u emfasiża li l-prosperità għandha tilħaq kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Sostna wkoll li l-iżvilupp ekonomiku jrid isir b’rispett lejn id-dimesjoni soċjali.
Juncker spjega li l-Ewropa għandha bżonn programm ambizzjuz li jkattar it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-kompettività. Hu qal li dan irid isir permezz ta’ programm ta’ investiment fl-infrastruttura, l-industrija, ir-riċerka, l-enerġija alternattiva u l-użu effettiv tal-fondi Ewropej.
Jean Claude Juncker iddefenda wkoll il-munità Ewropea u qal li din kienet pass għaqli fl-istorja tal-Unjoni Ewropea li ddefendiet iċ-ċittadini u l-Ewropa hekk kif evitat battalji monetraji bejn l-istati membri. Hu qal li jridu jiġu msaħħa regolamenti tas-suq finanzjarju u li l-UE trid tibqa’ tiġġieled l-ħasil tal-flus.
Dwar il-kriżi ekonomika, sostna li din tintemm meta l-25 miljun persuna bla xogħol fl-Ewropa isibu impjieg. Juncker tkellem ukoll fuq it-tisħiħ tal-moviment ħieles tal-ħaddiema bħala prinċipju ewlieni tal-Unjoni Ewropea. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-Ewropa taġġorna l-użu ta’ sistemi ta’ enerġija jekk trid tibqa’ sostenibbli u kompettitivà.
Dwar il-prinċipju tas-solidarjetà , Juncker kellu messaġġ ieħor ċar – “l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari mhix biss tal-Italja, Malta, Ċipru u l-Greċja, din hija sfida tal-istati kollha tal-Unjoni Ewropea,” tenna Juncker. Din id-dikjarazzjoni ntlaqat b’ċapċip mill-Membri Parlamentari preżenti għas-sessjoni ta’ dalgħodu. Juncker qal ukoll li hi meħtieġa sistema biex ikun hawn immigrazzjoni legali lejn l-Ewropa filwaqt li sostna li l-Ewropa għandha tiġġieled iċ-ċrieki ta’ kriminalità li qed jagħmlu l-flus mit-traġedji umani. Ħabbar ukoll li Kummissjoni Ewropea mmexxija minnu se jkollha kummissarju li jiffoka fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Dwar il-prinċipju tas-sussidjarjeta’ qal li l-istituzzjonijiet Ewropew jista’ jaghti l-każ li qed jqattgħu iktar ħin jitkellmu fuq il-burokrazija milli jwettqu ħidma konkreta biex din titaffa. Sostna li l-burokrazija jeħtieġ tiġi indirizzata anke biex jiġu mgħejuna n-negozji żgħar u medji.
Dwar il-prinċipju tad-demokrazija tkellem dwar l-opportunità li ngħataw iċ-ċittadini Ewropej li fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-ewwel darba, kienu preżentati b’kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Sostna li l-Membri Parlamentari m’għandhomx jibqgħu jagħmlu dibattitu fuq l-ideoloġiji imma fuq soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi Ewropej. Hu qal ukoll li fl-aħħar snin żdiedet id-distanza bejn l-istituzzonijiet u ċ-ċittadini Ewropej u qal li hu meħtieġ li l-UE tispjega iktar il-ħidma li tkun qed twettaq.
Juncker sostna li l-Ewropa jeħtieġ li tibqa’ kredibbli u għandha timmira lejn li tkun mudell għall-iżvilupp.
Dwar il-prinċipju tat-trasparenza tenna l-Kummissjoni Ewropea se tara li r-registru tal-lobbyists se jkun pubbliku biex l-istitzzjonijiet Ewropej jkunu jafu min qed jiltaqa’ ma’ min. Qal ukoll li se jara wkoll li l-proċeduri f’dan ir-rigward jkunu reveduti.
Juncker tkellem ukoll dwar l-politika barranija u sostna li l-ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti irid jsir bi spirtu trasparenti u fid-dawl ta’ regoli li jħarsu standards Ewropej fil-qasam tas-saħħa, l-qasam soċjali u r-rispett għal data privata. Hu qal ukoll li se jkunu pubblikati dokumenti fuq dan il-ftehim mal-Istati Uniti wara n-negozjati. Sostna pożizzjoni ċara fuq il-poplu Ukren li sejjaħlu bħala poplu Ewropew li għandu post fl-Ewropa filwaqt li enfasiża li l-Ewropa trid tibqa’ taħdem fuq it-traġedji umani li qed iseħħu fl-Afrika fejn kuljum jitilfu ħajjithom 25,000 tifel u tifla minħabba l-ġuħ.
Fl-aħħarnett appella biex l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini jkollhom l-istess kuraġġ, paċenzja u determinazzjoni li kellhom il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna li mingħandhom wrietna Ewropa magħquda u paċifika.
//= $special ?>