Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ħabbar il jekk mhux se jsiru emendi fl-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta, l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota kontra dan l-abbozz.
Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista aktar kmieni t-Tlieta.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li ħa din id-deċiżjoni wara li evalwa l-abbozz ta’ liġi propost mill-Gvern u wara li ddiskuta u analizza l-effetti li dan l-abbozz ta’ liġi jista’ jkollu kemm fuq il-ħaddiema tal-Enemalta kif ukoll fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
L-ewwel oġġezzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li l-Gvern preżenti ma żammx mal-wegħda tiegħu li ma jipprivatizzax l-Enemalta.
Kif żvelat minn The Sunday Times fid-29 ta’ Ġunju li għadda, Joseph Muscat, dakinhar Kap tal-Oppożizzjoni kien wiegħed lill-ħaddiema tal-Enemalta li jekk isir Prim Ministru ma kienx se jipprivatizza l-Enemalta. Evidentament, Joseph Muscat, din il-wegħda ma żammiex għaliex ftit xhur wara l-elezzjoni ġenerali, ħabbar li l-Enemalta se tiġi privatizzata.
Il-Partit Nazzjonalista qal li t-tieni oġġezzjoni hija minħabba l-fatt li teżisti nuqqas ta’ trasparenza kbira.
Il-Gvern għadu qed iżomm wisq informazzjoni moħbija tant li għadu ma ppubblikax l-aktar kuntratti importanti li diġa’ ffirma mal-privat, jgħid il-Partit Nazzjonalista. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tista’ qatt tivvota favur liġi li permezz tagħha, l-Gvern se jkun qed ikompli jinnegozja mal-privat bil-moħbi, mhux biss tal-Parlament, iżda tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
L-istqarrija maħruġa mill-PN tgħid li t-tielet oġġezzjoni hija peress li l-Gvern Malti se jitlef il-kontroll tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.
L-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-punt kardinali li l-Gvern ma jibqax jikkontrolla l-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-pajjiż. Il-Gvern Malti mhux se jispiċċa biss minoranza fil-kontroll tal-ġenerazzjoni, iżda anke parzjalment fil-kontroll tad-distribuzzjoni tal-enerġija.
Fl-aħħar nett, dan huwa tradiment politiku mal-ħaddiema tal-Enemalta bil-ħaddiema tal-Enemalta għandhom wisq aktar dubji milli ċertezza dwar il-futur tax-xogħol tagħhom, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ stabbilita’, kif ukoll ma’ kundizzjonijiet, kompla jgħid il-PN.
Fost l-oħrajn, ma teżisti l-ebda assigurazzjoni li l-ħaddiema tal-Enemalta se jżommu t-Take Home Pay li għandhom illum, kif ġew imwegħda mill-istess Joseph Muscat meta kien Kap tal-Oppożizzjoni, itemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>