L-awtoritajiet ta’ Moska kkonfermaw li mietu talanqas għaxar persuni f’wieħed mill-aktar inċidenti serji li qatt inqalgħu fil-metro tal-kapitali u meta ferrovija pakkjata bil-passiġġieri qabżet mil-linji matul il-ħin tar-rush hour.
Fl-inċident indarbu wkoll l-għexieren tan-nies, b’talanqas ħamsin ikunu rrappurtati f’kundizzjoni serja. Intant, l-iskwadri tal-emerġenza li wieġbu għall-kriżi ħarġu ħafna mill-midruba mill-metro, bin-nies li ġarrbu l-feriti serji jitwasslu l-isptar bil-helicopter.
Ir-rapporti qalu li l-inċident kien dovut għal difett fis-sistema tad-dawl tal-metro (li hu wieħed mill-aktar antiki fid-dinja) u bir-riżultat li l-ferrovija waqfet f’daqqa u qabżet mil-linji bejn l-istazzjonijiet ta’ Slaviansky u Park Pobedy, lejn il-Lvant ta’ Moska.
Fil-ħin tal-inċident, il-ferrovija kienet qed tivvjaġġa mill-Majjistral ta’ Moska lejn iċ-ċentru tal-kapitali u bl-awtoritajiet jispiċċaw jevakwaw talanqas 200 passiġġier waqt il-ħidma ta’ emerġenza.
Hu minnu wkoll li għexieren ta’ persuni kienu trattati ‘fuq il-post’ għall-ġrieħi li ġarrbu. Intant, ir-rapporti sostnew li kien għad fadal il-passiġġieri fil-mina ta’ taħt l-art sa sigħat wara l-inċident. Mhux magħruf li kien hemm il-barranin fost il-midruba.
Il-kritiċi qed jakkużaw lill-awtoritajiet Russi talli nefqu wisq flus biex jestendu s-sistema tal-metro u meta żammew lura milli jinvestu fil-manutenzjoni tagħha. Dan meta Park Pobedy hu l-aktar stazzjon tal-metro li jidħol fil-fond tal-art u li jfisser ukoll li l-ħidma tas-salvataġġ, f’dan il-każ, kellha tħabbat wiċċha ma’ aktar diffikultajiet milli kien mistenni.
//= $special ?>

