Bar ta’ Każin Laburista bla permess waqt festa tar-raħal wassal biex id-deputat Laburista Joe Debono Grech indaħal fix-xogħol tal-Pulizija biex il-bar konċernat baqa’ armat minkejja ordnijiet tal-Pulizija biex dan jiżżarma jew jiddaħħal ġol-każin Laburista.
Dan is-sit jinsab infurmat li kien waqt il-festa ta’ Ħal Balzan fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta d-deputat Laburista Joe Debono Grech kien qed iżur il-każin Laburista ta’ Ħal Balzan fl-okkażjoni tal-festa tar-raħal.
Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit spjegaw kif tlett pulizija li kienu stazzjonati għal matul il-festa ta’ Ħal Balzan avviċinaw uffiċjali tal-każin Laburista biex jiġi żarmat Bar li ntrema’ bla permess fuq barra tal-każin.
Iżda kollox jindika li hekk kif it-tankijiet bix-xorb bdew jiddaħħlu ġol-każin, u d-deputat Laburista Joe Debono Grech intebaħ b’dak li kien għaddej, dan, akkumpanjat minn uffiċjal tal-Kumitat Laburista f’Ħal Balzan, ħarġu barra l-każin, fejn bdew jgħollu leħinhom mal-Pulizija bil-għan li l-bar ikun jista’ jibqa’ jintrama barra.
Jidher li l-indħil ta’ Joe Debono Grech f’xogħol il-pulizija ħalla l-frott tant li eventwalment il-bar baqa’ armat barra.
Persuni li kienu fuq il-post u raw l-għajjat u l-istorbju min-naħa ta’ Joe Debono Grech ikkummentaw fuq l-attitudni tad-deputat Laburista, li fi kliem is-sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon, hija waħda inaċettabbli.
Oħrajn ikkummentaw li l-indħil ta’ Joe Debono Grech huwa aktar inaċettabbli meta hu l-anqas biss hu deputat Laburista fuq il-11-il distrett, li Ħal Balzan jagħmel parti minnu.
Dan l-indħil tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech xejn ma niżel tajjeb mal-Balzanin li kienu qed jiċċelebraw festa li matula kien hemm ħbiberija u ftehim sħiħ bejn l-għaqdiet kollha ta’ Ħal Balzan.
Mhux magħruf jekk hux ser jittieħdu passi kontra d-Deputat Laburista mill-pulizijza u jew mill-istess Partit Laburista dwar dan l-aġir kundannabbli.
Dwar dan il-każ, dan is-sit bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija, madanakollu, sal-ħin tal-publikazzjoni konna għadna ma rċevejna l-ebda tweġiba.
//= $special ?>