Sport

Julio Cesar jirtira minn man-nazzjonali

Il-gowlkiper tal-Brażil Julio Cesar qal li l-logħba ta’ nhar is-Sibt kontra l-Olanda kienet l-aħħar waħda tiegħu mat-tim nazzjonali.

Il-Brażil tilef 3-0 kontra l-Olanda biex spiċċa fir-raba’ post fit-Tazza tad-Dinja. Cesar, li għandu 34 sena reġa’ kiseb postu fit-tim nazzjonali sena ilu u kien protagonist meta l-Brażil rebaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

“Dik probabbilment kienet l-aħħar logħba tiegħi mal-Brażil. Ma naranix nilgħab sena oħra fil-Copa America. Jekk nilgħab u ma jkollix f’moħħi t-Tazza tad-Dinja tal-2018 inkun egoist għax inkun qed inċaħħad lill-gowlkipers oħra milli jiksbu l-esperjenza,” qal Cesar.

Huwa ddebutta mal-Brażil fil-Copa America tal-2004 u minn dakinhar lagħab 86 darba. Ladarba Cesar se jirtira mit-tim nazzjonali issa mistennija jkunu Jefferson ta’ Botafogo u Victor ta’ Atletico Mineiro li jissieltu għan-numru 1, anke jekk Cesar qal li hemm bejn seba’ u tmien gowlkipers li huma kapaċi jieħdulu postu.