Internazzjonali

L-attakk fuq l-ajruport iħalli lill-poplu ssummat

Il-poplu Libjan jinsab ixxukkjat wara jumejn ġlied bejn il-gruppi tal-milizzji rivali li ħalla l-ajruport internazzjonali ta’ Tripli f’sitwazzjoni ta’ staġnar.

Inqatlu tal-anqas għaxar persuni wara sensiela ta’ konfronti fl-inħawi, u numru sostanzjali ta’ ajruplani ġarrbu l-ħsarat. Fl-istess ħin, it-titjiriet lejn dan it-terminal u lil hinn minnu spiċċaw sospiżi, għall-inqas sal-lum.

L-ajruport ewlieni għadu kkontrollat mill-milizzji ta’ Zintan li ilhom imexxu l-inħawi speċifiċi mindu kkrolla r-reġim tal-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi. Madankollu, il-Gvern Libjan qed ifalli fit-tentattivi tiegħu biex iżarma lid-diversi entitajiet armati li kienu ħadu sehem fir-rewwixta li ġabet id-dittatorjat antik fi tmiemu, fl-2011.

Il-Libja, illum, saret pajjiż mifrud u s-sitwazzjoni fl-ajruport ta’ Tripli qajmet tħassib fuq livell internazzjonali. Dan meta hu mifhum li t-torri tal-kontroll tal-ajruport, it-tankijiet tal-fuel u l-faċilitajiet li joffru numru ta’ servizzi fl-istess kumpless kollha ġarrbu l-ħsarat.

Ir-rapporti qalu wkoll li l-kwartier doganali tal-ajruport spiċċa meqrud għalkollox fl-aħħar ġlied. Ahmed Lamine, kelliem għall-Gvern Libjan, qal li sofrew l-isfreġju mad-disgħin fil-mija tal-ajruplani stazzjonati fl-ajruport.

Sadanittant, Lamine spjega li l-Gvern Libjan kien qed jikkunsidra li jitlob biex il-qawwiet internazzjonali jgħinu fit-tisħiħ tas-sigurtà u li jista’ jagħti żmien biżżejjed biex il-Gvern jibni l-Istat u l-istituzzjonijiet tal-Libja.

Nhar il-Ħadd, entità ta’ milizzji affiljata mal-grupp Rivoluzzjonarji Iżlamiċi tal-Libja (LROR) ippruvaw jaħtfu l-kontroll tal-ajruport ta’ Tripli minn idejn il-milizzji ta’ Zintan u filwaqt li m’hemmx statistika preċiża dwar il-qerda sussegwenti, uħud qed jgħidu li jistgħu jgħaddu x-xhur sakemm l-ajruport jerġa’ jiftaħ u jsegwi l-iskedi normali.

Filwaqt li l-Libjani raw minn kollox wara r-rivoluzzjoni ta’ kontra Gaddafi, l-aħħar attakki fuq l-ajruport ħallew lil ħafna mingħajr kliem meta fl-aħħar sigħat spikkat ‘xita ta’ missili’ fuq l-ajruport u l-madwar. Dan fost it-twerwir tar-residenti li qed jgħixu viċin it-terminal u li ħafna minnhom m’għandhomx l-għażla li jittrasferixxu lejn inħawi anqas perikolużi.

L-ajruport ta’ Tripli jservi bħala l-aċċess mill-ajru ewlieni għad-dinja ta’ barra u wara l-aħħar ġlied, in-Nazzjonijiet Uniti ħabbret l-irtirar tal-istaff kollu tagħha mil-Libja.