Lokali

Ramona Attard fuq il-bord tal-armata minkejja nuqqas ta’ kwalifiċi

Il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura’ u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kkonferma li l-eks ġurnalista tas-Super One Ramona Attard m’għandha l-ebda kwalifiċi relatati mal-armata minkejja li ngħatat kariga’ bħala membru tal-Bord tal-Għażla tal-Promozzjonijiet tal-Armata.

Madankollu, il-ħatra ta’ Ramona Attard skont Owen Bonnici saret għaliex hi persuna b’kariga’ għolja fil-Ministeru u li l-Minsiteru tiegħu irid li fil-bord ikun hemm nies ta’ responsabbilta’ li jirrappreżentawh. Qal li Attard għandha ideja ċara ta’ kif l-armata taħdem ġurnata b’ġurnata minħabba x-xogħol tagħha fi ħdan il-Ministeru.

Dan ħareġ hekk kif it-Tlieta filgħodu fil-Parlament tpoġġew il-Mistoqsijiet Parlamentari meta il-Ministru Owen Bonnici kien qed iwiegeb ghan-nom tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Manwel Mallia. Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi fakkar lill-Ministru li dan il-bord qed jiddeċiedu l-karriera ta’ numru ta’ uffiċjali, meta bħala membri tiegħu hemm nies li m’għandom l-ebda kwalifika marbuta mal-Armata.

Jason Azzopardi qal li anke’ li kieku Ramona Attard kienet l-aqwa ġurnalista fil-pajjiż, din ma kellha l-ebda kompetenza marbuta mal-armata jew inkella xi esperjenza f’dan is-sens. Din il-ħatra tmur għal kollox kontra l-wegħda tal-meritokrazija tal-Gvern qabel l-elezzjoni li għaddiet.

Fid-difiża tiegħu, il-Minsitru Bonnici qal li fl-2011 u l-2012 kien hemm ħatriet simili f’bordijiet. Hu ġie mgiddeb minn Jason Azzopardi hekk kif il-fatti juru li fl-ebda legislatura that Gvern Nazzjonalista ma kien hemm impjegati ta’ xi ministeru fuq bord ta’ dan it-tip.

Owen Bonnici qal ukoll li Attard mhix l-unika persuna fil-Ministeru li ħadet din il-kariga f’dan il-bord hekk kif hemm ukoll l-impjegat tal-customer care fil-Ministeru Clint Camilleri. Min-naħa tiegħu Jason Azzopardi jgħid li dan ifisser li bejniethom, Attard u Camilleri jistgħu jannullaw deċiżjoni li tittieħed mill-eks Brigadier Maurice Calleja.

Dan il-bord fl-aħħar ġimgħat irrakkomanda mijiet ta’ promozzjonijiet, b’numru ta’ promozzjonijiet oħra mistennija jkomplu wkoll fil-jiem li ġejjin.

F’Marzu li għadda, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi kien talab lill-iSpeaker biex issir talba mill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra ħalli l-Ombudsman janalizza l-operat ta’ dan il-Bord ħalli jkun żgurat li qed iħaddan prattiċi trasparenti. Madankollu, din it-talba kienet rifjutata mill-Gvern. B’hekk, minkejja li l-Gvern waqqaf Bord biex janalizza inġustizzji taħt amministrazzjoni preċedenti, m’aċċettax it-talba tal-Oppożizzjoni li jkun żgurat li l-operat ta’ dan il-Bord hu wieħed trasparenti.