Il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, William Hague, irriżenja bħala d- diplomatiku ewlieni ta’ pajjiżu u wara erba’ snin fil-kariga. Dan il-pass seħħ b’sorpriża u bħala parti minn theżżiża fil-Kabinett li mexxa l-Prim Ministru, David Cameron, qabel l-elezzjoni ġenerali li għandha ssir f’Mejju tas-sena d-dieħla.
Hague, issa, se jservi bħala Kap tal-House of Commons (il-kamra t’isfel tal-Parlament) ta’ Londra, b’Philip Hammond, li qabel ir-reshuffle serva bħala Ministru tad-Difiża, jilħaq minfloku fit-tmexxija tal-Foreign Office.
William Hague qal li ladarba tasal l-elezzjoni ġenerali li jmiss hu se jkun serva għal 26 sena bħala membru tal-Parlament. Intant, kien proprju s-sajf li għadda li hu kien informa lil Cameron li ‘din id-darba’, ma kienx se jikkuntesta bħala kandidat mal-Partit Konservattiv. Hague, iżda, għamilha ċara li se jkompli jagħti ‘l-massimu tal-appoġġ’ lill-Gvern ġewwa l-Parlament u beħsiebu jistinka għal rebħa konservattiva fl-elezzjoni.
Sadanittant, il-Prim Ministru Cameron qed jippromwovi aktar nisa bħala membri tal-Kabinett, bl-iskop li jagħti ‘dehra aktar friska’ lill-Gvern Konservattiv.
Fl-istess ħin, l-eks-Ministru għall-Edukazzjoni, Michael Gove, ingħata responsabbilta ġdida bħala chief whip waqt li l-veteran Ken Clarke, li kien Ministru mingħajr dekasteru, ħabbar li qed jirtira wara karriera fil-politika li tmur lura għas-snin sebgħin.
Filwaqt li faħħar id-deċiżjoni ta’ Cameron biex jagħti rwol politiku akbar lin-nisa, Clarke ‘ma jara l-ebda sens fit-teorija’ li numru ta’ ħatriet ġodda għall-Kabinett jistgħu, b’xi mod, jirriflettu atteġġjament aktar ewro-xettiku min-naħa tal-Gvern Britanniku.
//= $special ?>

