Diskussjoni dwar abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta ma setgħetx tibda fil-Parlament wara li l-Gvern ma rnexxielux jipprovdu kworum għas-seduta tal-bieraħ filgħaxija.
Minkejja maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet u minkejja l-importanza li l-Gvern qed jagħti lil dan l-abbozz, ma rnexxielux jipprovdi kworum biex id-diskussjoni tista’ ssir.
Fis-seduta tat-Tlieta kellha tibda tkun diskussa abbozz ta’ liġi biex il-Korporazzjoni Enemalta tinbidel f’public liable company (plc). Minħabba nuqqas ta’ kworum is-seduta ġiet aġġornata.
Saħansitra d-Deputat Nazzjonalista George Pullicino talab ruling mingħand l-Ispeaker għaliex l-Oppożizzjoni tqis li l-Kamra għadha mhix lesta għad-diskussjoni. Dan minħabba l-fatt li minkejja diversi talbiet li saru saħanstira mill-media indipendenti, il-Gvern baqa’ ma ppubblikax il-ftehim li għandu max-Shanghai Electric jew mal-Electrogas.
George Pullicino enfasizza li l-Kamra mhix f’pożizzjoni li tiddiskuti minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li din il-liġi ma kellha x’taqsam ma’ dawn il-kuntratti u hi intiża biss biex isir l-immodernizzar tal-Enemalta. Il-Ministru Mizzi akkuża lil George Pullicino li jrid itellef ix-xogħol tal-Gvern. Qal li l-Oppożizzjoni ilha taf b’dan l-abbozz xahar u għandha l-informazzjoni kollha li hemm bżonn.
Konrad Mizzi sostna li l-Gvern għamel stqarrijiet u ta l-informazzjoni kull meta sar xi ftehim.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco oġġezzjona għall-akkuża tal-Ministru Mizzi fil-konfront ta’ George Pullicino. Hu qal li kull Deputat qiegħed fil-Parlament biex jagħmel id-dmir tiegħu u hu proprju għaliex l-Oppożizzjoni trid tagħmel id-dover tagħha li qed titlob li l-Kamra jkollha l-informazzjoni kollha relattiva ma’ dan l-abbozz.
Il-Ministru Mizzi tenna li l-abbozz ma għandu x’jaqsam xejn mal-kumpanniji li qed jissemmew dwar l-Enemalta.
George Pullicino qal li hu jassikura lill-Ministru Mizzi li qed jagħmel id-dmir tiegħu bl-akbar lealta’ lejn il-poplu.
Il-Ministru qal li l-abbozz ilu ppubblikat xahar iżda l-Oppożizzjoni u l-poplu ilhom ħafna u ħafna aktar jitolbu li l-Gvern jagħti l-informazzjoni dwar il-ftehim li qed jgħid li ntlaħaq. Il-poplu jistenna rispett billi jingħata informazzjoni biex il-Parlament ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi. George Pullicino sostna li l-Kamra mhix f’pożizzjoni li tiddeċiedi għaliex ma għandix informazzjoni u dan jammomta għal nuqqas ta’ trasparenza u ammont kbir ta’ arroganza.
L-Ispeaker stieden lid-Deputat Speaker biex jieħu postu ħalli d-diskussjoni tkompli sakemm hu jieħu deċiżjoni jekk id-diskussjoni għandhiex tkompli.
Il-whip tal-Oppożizzjoni David Agius u d-Deputat Nazszjonalista Mario de Marco stiednu lill-Ispeaker biex l-ewwel jingħata r-ruling qabel tkompli d-diskussjoni. L-Ispeaker qal li hu kien iddeċieda li sakemm jikteb ir-ruling id-diskussjoni tkompli.
Mario de Marco offra biex il-ħin li jittieħed biex jinkiteb ir-ruling jiżdied fi tmiem is-seduta ħalli l-Parlament ikun ħa l-ħin kollu li hemm bżonn.
L-Ispeaker baqa’ jinsisti li d-diskussjoni tkompli fl-assenza tiegħu u bil-presidenza tad-Deputat Speaker.
Hawnhekk il-whip tal-Oppożizzjoni għamel sejħa għall-kworum wara li ma kienx hemm preżenti fil-Kamra aktar minn 14-il Membru Parlamentari. Wara sospensjoni ta’ ħames minuti, skont ir-regolamenti tal-kamra, reġgħet saret sejħa għall-kworum u lanqas f’dan il-ħin ma kien hemm kworum.
Għalhekk l-Ispeaker kien kostrett jiddikjara l-aġġornament tas-seduta. Il-Parlament aġġorna għal nhar l-Erbgħa fis-6pm.
//= $special ?>