Lokali

Uffiċjal tal-Pulizija li ried ineħħi mill-għassa lin-Nazzjonalisti mogħti twissija severa

Uffiċjal tal-Pulizija ngħata twissija severa wara li ġie rrapurtat li qal li jrid jelimina lill-uffiċjali nazzjonalisti kollha mill-għassa tar-Rabat, Malta.

Hu kien ġie rrapurtat ukoll li qal li issa li fil-Gvern hemm il-Partit Laburista fit-tmexxija tal-pajjiż, hu jista’ jagħmel dak kollu li jixtieq. Kien irrapurtat li qal ukoll li l-Kummissarji tal-Pulizija jisma’ minnu.

Dan ħareġ fil-Parlament it-Tlieta filgħdou f’risposta tal-Ministru tal-intern Manuel Mallia għal mistoqsija parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi. Fir-risposta tiegħu, Manuel Mallia ħabbar li l-investigazzjoni ġiet konkluża u ġie ordnat ukoll li t-twissija għandha titniżżel fir-rekord personali tal-uffiċjal.