Futbol Sport

Valletta megħluba b’wirja qalbenija

VALLETTA ………….0
QARABAG…………….1

Valletta> N. Vella, J. Caruana, I. Azzopardi, R. Camilleri, L. Dimech, R. Fenech, H. Faria, R. Briffa, R. Bajada (S. Arab 90′), A. Nafti (I. Zammit 84′), Elford-Alliyu (Kooh Sohna 72′)

Qarabag> Sehic, Qarayev, Teli, Agolli, Guseynov, Reynaldo, Muarem (Dias 72′), Gurbanov, R. Almeida, L. George (Nadirov 87′), Chumbinho

Imwissi> H. Faria (V)
Tkeċċa> R. Camilleri 84′ (V)
Skorjaw> Chumbinho 18′ (Q)
Referee> A. Jaccottett (Żvizzera)

Gowl fl-ewwel taqsima skorjat minn freekick perfett ta’ Chumbinho ta rebħa minima imma ferm importanti liċ-Champions tal-Azerbaijan Qarabag fl-ewwel leg mill-ewwel round taċ-Champions League kontra Valletta. Madankollu l-kwalifikazzjoni trid tkun deċiża l-ġimgħa d-dieħla wara li Valletta taw wirja qalbenija, spiċċaw inġustament b’għaxar plejers u kellhom anke lill-gowlkiper Nicky Vella f’burdata tajba li salva penalty.

Fin-nuqqas tal-Awstraljan Adrian Zahra u Lewlyn Cremona li jinsabu mweġġgħin Agius beda bil-gowlkiper Nicky Vella, d-difensur Ryan Camilleri u l-Portugiż Hugo Faria fost il-plejers ġodda.
Diżappuntanti kienu l-partitarji Beltin, li xejn ma kienu numerużi bħas-soltu biex jappoġġjaw lill-benjamini tagħhom f’konfront tant delikat waqt li Qarabag kellhom madwar 15-il partitarju li għamlu l-vjaġġ mat-tim.

Vella kien attent fil-lasta, ma seta’ jagħmel xejn fil-gowl. Dimech u Caruana kienu d-difensuri ċentrali bil-veteran Ian Azzopardi fuq ix-xellug u Ryan Camilleri mal-lemin. Quddiemhom, Gilbert Agius lagħab lil Faria, Roderick Briffa u Shaun Bajada, bil-captain Ryan Fenech fi rwol aktar liberu biex jgħin lil Nafti u Elford-Alliyu fl-attakk.

Il-Beltin lagħbu logħba tattika b’Qarabag, idawru kemm jistgħu il-ballun imma jaħarbu veloċi fl-aħħar tliet kwarti tal-pitch speċjalment mal-linji.

L-ewwel periklu fl-14-il minuta minn Qarabag meta Vella ħareġ jinterċetta fuq l-Olandiż George bil-ballun imtajjar minn Azzopardi. Imma fit-18-il minuta Qarabag fil-vantaġġ minn freekick perfett fir-rokna tax-xibka minn madwar 25 metru tal-Brażiljan CHUMBINHO wara fawl inutli ta’ Camilleri fuq Muarem.

Ir-risposta Beltija waslet fis-27 minuta meta Elford-Alliyu irċieva mingħand Azzopardi u wara kontroll tajjeb fil-kaxxa dar ma’ difensur imma bix-xellug xeħet għoli.

Il-logħba nfetħet u Qarabag marru viċin li jirdoppjaw meta l-Albaniż Agolli f’tarf il-kaxxa ingħata ċ-ċans jikkontrolla u b’xutt qawwi bix-xellug stampa l-mimduda b’Vella megħlub.

Fis-36 minuta minn azzjoni personali ta’ Ryan Fenech, kien Roderick Briffa li pprova lob li għadda ftit għoli fl-aħħar azzjoni perikoluża qabel il-mistrieħ.

Appena żewġ minuti fit-tieni taqsima Reynaldo dar ma Vella imma l-ballun qabiżlu wara l-linja tal-korner qabel seta’ jikkonkludi. Iżda l-Beltin dehru aktar aggressivi f’din it-taqsima fejn rebħu tliet korners konsekuttivi u xeħtu taħt pressjoni lil Qarabag. Madankollu qatt ma kiennu perikolużi u Gilbert Agius lagħab il-karta Kooh Sohna minflok Elford-Alliyu bit-tama li jsalva l-logħba.

Iżda kwarta mit-tmiem kien Vella li evita gowl ċert meta mblokka fuq Reynaldo li kien ħarab waħdu.

Tmien minuti mit-tmiem f’ħarba iżolata Qarabag rebħu penalty u spiċċaw bi plejer aktar. Ir-referee ġġudika li Ryan Camilleri kien waqqa’ lis-sostitut Dias meta fil-verita` deher aktar li tajjarlu l-ballun. Barra li ordna l-penalty keċċa lil Camilleri. Mill-11-il metru nkariga ruħu Richard Almeida imma Nicky Vella wettaq ġustizzja meta salva x-xutt fil-baxx u ċentrali tiegħu.

Fl-aħħar minuti Valletta għarfu jikkontrollaw lill-avversarji b’Vella jwettaq żewġ saves oħra għal riżultat rispettabbli li jħalli l-konfront miftuħ għat-tieni leg.