Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħaffef l-isforzi tagħha sabiex tassigura l-implimentazzjoni effiċenti tal-inizjattiva dwar Impjiegi għaż-Żgħażagħ. Hekk saħaq illum l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa meta indirizza l-Parlament Ewropew bħala l-Kelliem tal-PPE dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.
Casa saħaq ukoll li l-aqwa mod kif wieħed jiġġieled kontra l-qgħad huwa billi tiġi mgħejuna u msaħħa il-kultura intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ, ambjent li fih l-intrapriżi żgħar u medji jikbru. Casa spjega kif l-aħħar figuri dwar il-qgħad fl-Unjoni Ewropea juru rata ta’ 22.5% fost iż-żgħażagħ, b’numru ta’ pajjiżi jkollhom rata li anke tmiss il-50%. L-MEP Nazzjonalista qal li hemm il-ħtieġa ta’ aktar fondi Ewropej fejn anke tkellem dwar l-importanza li jizdied l-isforz sabiex tonqos il-burokrazija.
F’isem l-PPE Casa sejjaħ sabiex il-Kummissjoni Ewropea tagħmel monitoraġġ fuq l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.