Filwaqt li qed jingħataw garanzija tal-post tax-xogħol u kundizzjonijiet li għandhom illum, il-ħaddiema tal-Enemalta jistennew mill-Gvern garanziji ċari li mhu se jitilfu xejn mill-paga li qed idaħħlu llum.
Fid-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal li l-abbozz hu intiż biex jiffaċilita l-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta kif ukoll il-ħolqien ta’ kumpanniji oħra. L-abbozz ifisser li se titneħħa l-Korporazzjoni u ssir kumpannija privata biex il-Gvern iwettaq dak li qal li se jagħmel. Il-kumpannija se tassumi r-responsabbiltajiet kollha li għandha l-Enemalta llum minbarra l-ħaddiema. Dan se jippermetti biex kumpannija Ċiniża takkwista 33 fil-mija tal-ishma tal-kumpannija l-ġdida. L-abbozz se jippermetti wkoll il-bejgħ liċ-Ċiniżi tal-impjant li l-Partit Laburista kien isejjaħlu fabbrika tal-kanċer. Dan mhux qed isir biex il-Gvern Ċiniż jagħmel xi pjaċir lil Malta iżda biex jagħmel pjaċir lilu nnifsu.
Hemm ukoll it-twaqqif tal-kumpannija Electrogas, li d-dettalji dwarha wkoll qed jinżammu moħbija. Mhux ikkontestat il-fatt li jsir impjant għall-użu tal-gass. In-nuqqas ta’ qbil hu kif se jinħażen u l-miżuri tas-sigurta’ fil-mod kif se jintuża l-gass.
George Pullicino qal li l-Gvern qed jiggarantixxi lill-ħaddiema l-impjieg iżda mhux jassiguralhom l-istess dħul finanzjarju mill-impjieg li għandhom. Id-Deputat Nazzjonalista qal li f’laqgħa li saret għall-ħaddiema f’Settembru tas-sena li għaddiet, issemmew diversi kundizzjonijiet li ma kinux iserrħu ras il-ħaddiema.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni talbet li l-Parlament ikun infurmat bil-kuntratti u l-ftehim li saru għaliex hekk biss ikun jista’ jsir l-iskrutinju ta’ dak li jrid jagħmel il-Gvern. Meta l-Gvern qed ikompli jirrifjuta u jaħbi dan il-ftehim juri nuqqas ta’ trasparenza u ammont ta’ arroganza.
Filwaqt li ppubblika l-memorandum of understanding li għamel fiċ-Ċina fl-aħħar żjara tiegħu, il-Prim Ministru għadu qed jaħbu l-ftehim li sar dwar il-qasam tal-enerġija. Wieħed minn dawn il-ftehim hu kuntratt mal-Electrogas u mhux ftehim sempliċi.
George Pullicino staqsa kif se jintgħażlu l-ħaddiema biex imorru jaħdmu mal-kumpanniji differenti? Se jkun hemm bord għall-intervisti? Se tintuża l-anzjanita’? Se jkunu kkunsidrati l-kwalifiċi?
Staqsa wkoll jekk hux se jkun hemm kriterji fl-għażla tal-ħaddiema? Staqsa, li ladarba l-ħaddiema se jkunu kollha impjegati mal-kumpannija li qed tinħoloq, se jkun hemm ftehim kollettiv wieħed?
George Pullicino staqsa x’se jiġri mill-ħaddiema li ma jaċċettawx li jkunu sekondati. Staqsa anke kemm se jkun il-compliment ta’ kull kumpannija.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li domandi oħra li qed jagħmlu l-ħaddiema hi jekk il-paga tagħhom hix se tkompli tiżdied bl-istess kundizzjonijiet li għandhom s’issa u jekk il-ħaddiema humiex se jitilfu allowances tax-xift li għandhom. Dawn jistgħu jwasslu għal figura ta’ 10,000 ewro fis-sena. Dawn huma allowances miksuba matul is-snin u mhux biss riżultat ta’ ftehim kollettiv. George Pullicino qal li jistenna li l-Prim Ministru jkun ċar mal-ħaddiema u jiggarantilhom li l-paga li jieħdu d-dar tibqa’ l-istess.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni qal li filwaqt li l-Prim Ministru kien wiegħed li mhux se jiprivatizza l-Enemalta, issa se jħalli l-maġġoranza tal-ġenerazzjoni elettrika tal-pajjiż f’idejn kumpanniji privati u barranin. Hu żball li l-pajjiż jitlef il-kontroll tal-ġenerazzjoni elettrika.
//= $special ?>