Qorti

Ħwienet għall-massaġġi spiċċaw ħwienet tal-Prostituzzjoni

De Quan Feng, Ċiniż ta’ 52 sena ġie mixli bi traffikar ta’ persuni u li mexxa tliet burdelli fi tliet ħwienet li suppost jintużaw għall-massaġġi minn Ċiniżi fix-xhur li għaddew. Dan qaluh fix-xhida tagħhom għadd ta’ Pulizija quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.

De Quan Feng ġie arrestat wara ġimgħat ta’ osservazzjoni wara li inqabdu tliet nisa li qegħdin jaħdmu ta’ prostituti f’ristorant tiegħu il-Mellieħa. L-Ispetturi Sylvana Briffa u Joseph Busuttil li qed imexxu l-investigazzjoni għamlu rejd ukoll fil-ħwienet ‘Golden Fingers’, li jinsab fi Triq il-Ħarruba Santa Venera, ‘Chinese Massage’ fi Triq l-Oratorju Raħal Ġdid u ‘Massage Parlour’ Triq Sant Aristarku fir-Rabat Malta u f’ristorant il-Mellieħa.

Vittma ta’ prostituzzjoni qalet li kkomunikat ma’ Ċiniż f’Malta biex tistaqsi fuq il-permess tax-xogħol. Hija saħqet li waslet Malta f’April tas-sena l-oħra biex taħdem bħala ‘masseuse parlour’. “Huwa wegħdni li kont se nibda nagħmel massaġġi normali u naqla ‘l fuq minn 10,000 yen, ekwivalenti għal €1190 fix-xahar” kompliet il-vitma. Hija kompliet tgħid li “Konna nżommu €20 għal nofs siegħa u €30 għal siegħa. Il-“boss” kien ħa l-flus u ħallasni €6 għall kull nofs siegħa ta’ massaġġi u €10 għal siegħa. Qatt ma qlajt is-salarju li kont imwiegħda fiċ-Ċina.”

In-nisa ma kellhomx għażla ħlief li jagħtu servizzi sesswali. Ingħad wkoll li l-akkużat kien jhedded lin-nisa li jekk id-dħul ma jiżdiedx, kienu se jerġgħu jinbagħtu ċ-Ċina bla flus.

Il-każ se jkompli fil-21 ta’ Lulju li ġej meta numru ta’ rġiel klijenti tan-nisa mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom. L-Avukat Jason Grima qed jidher “parte civile” għan-nisa filwaqt li l-Avukat Joe Sammut qed jiddeffendi lill-akkużat.