Lokali

Iktar minn 55 billboard illegali jitneħħew mit-toroq Maltin

Iktar minn 55 billboard illegali tneħħew minn għadd ta’ toroq arterjali ewlenin f’Malta. Il-MEPA kkonfermat dan fi stqarrija li fiha qalet li 27 minn dawn il-billboards illegali tneħħew minn siti prominenti filwaqt li 18-il billboard illegali oħra tneħħew mis-sidien rispettivi tagħhom.

L-istqarrija tal-MEPA tgħid li fil-jiem li ġejjin l-Awtorita se tkompli tneħħi billboards illegali oħra f’Malta u Għawdex, kemm dawk li huma weqfin kif ukoll dawk li huma mweħħla mal-hajt.

Il-MEPA kienet tat sal-20 ta’ Ġunju biex jitneħħew dawn il-billboards illegali iżda din it-twissija kienet ġiet injorata. L-Awtorita’ kienet tat tlitt ijiem oħra ċans biex il-billboards illegali jitneħħew u wissiet li jekk dan ma jsirx kienet se tneħħi l-billboards hija stess bl-ispejjeż kollha jitħallsu mis-sidien tal-billboards u mill-kumpaniji li jirreklamaw fuqhom.