Lokali

Il-Gvern la jrid jippubblika u wisq inqas jiddiskuti l-kuntratti li ffirma dwar l-energija

Huwa ta’ għajb li għad-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-EneMalta l-Gvern ma kellux imqar nofs id-Deputati tiegħu biex din id-diskussjoni setghet issir. Aktar u aktar meta l-istess Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma jippubblikax il-kuntratti u d-dokumenti li ffirma ma’ entitajiet privati u barranin.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija li fiha appella lill-Gvern biex jagħti rendikont tad-dettalji li hemm fil-kuntratt li ġie ffirmat dwar il-provista tal-elettriku f’pajjiżna. Kuntratti li l-Gvern iffirma ma’ entitajiet privati u barranin minkejja l-wegħda tiegħu li mhux se jipprivatizza l-Enemalta.

L-istqarrija tfakkar li lbieraħ il-Partit Nazzjonalista talab lill-Ispeaker tal-Kamra biex id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta ma tibdiex qabel il-Gvern ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratti kollha li ffirma u li b’xi mod jew ieħor se jkunu qed iħallu impatt fuq l-Enemalta.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li ma jaqbel xejn mal-mod kif mexa l-Ispeaker tal-Kamra li, malli ntalab dan ir-ruling, minflok ma ssospenda l-Kamra sakemm jagħti r-ruling u jiddeċiedi jekk għandhiex tibda d-diskussjoni jew le kif jiġri b’mod regolari ordna lid-Deputy Speaker biex imexxi d-diskussjoni hu sakemm jingħata r-ruling.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi wkoll id-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari, ħin li suppost qiegħed hemm biex il-Membri tal-Kabinett iwieġbu għall-mistoqsijiet li jsirulhom mid-Deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra, preżenti fil-Kamra kien hemm biss erba’ membri minn total ta’ 23 membru tal-Kabinett.

L-istqarrija tfakkar ukoll li fis-seduta tal-bierah il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubblici ma setax jitlaqqa’ lanqas ghaliex l-ebda membru tal-Gvern ma attenda u ghalhekk ma kienx hemm kworum.