Lokali

Il-ħaddiema tal-Enemalta jridu Union li tirrapreżentahom mhux li tattakkahom

Il-fergħa Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista tinsab iddiżappuntata bi kbir għad-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb li meta mistoqsi minn media indipendenti jekk jaqbilx mal-privatizzazzjoni tal-Petroleum Division, wieġeb hekk : “Tell those workers who approached you to come to me and say what they have to say to me.”

Fi stqarrija l-SĦPN tqis id-dikjarazzjoni ta’ Tony Zarb bħala attakk kemm fuq il-ġurnalist li għamillu l-mistoqsija kif ukoll fuq il-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta. Ma jistax ikun, f’soċjeta’ indipendenti bħal dik ta’ Malta, li Segretarju Ġenerali ta’ Union jattakka lill-media u lill-ħaddiema biex ma jagħtix risposta dwar pożizzjoni uffiċjali.

L-SĦPN jemmen li kwalunkwe Union qegħda hemm biex tirrapreżenta bl-aħjar mod lill-ħaddiema, u mhux biex tattakkahom, anke jekk dawn jagħmlu l-mistoqsijiet.

Fi stqarrija l-SĦPN tappella lill-GWU u lill-Unions kollha nvoluti bil-wisq aktar lill-Gvern biex fil-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-Enemalta, l-interessi tal-ħaddiema tal-Enemalta jkunu prijorita’ fuq kull agenda oħra.