Lokali Qorti

Il-Kabinett japprova l-ħatra tal-Avukat Wenzu Mintoff bħala mħallef

Il-Gvern Laburista ħabbar li l-Kabinett ħatar lil Avukat Wenzu Mintoff bhala Imhallef. Wenzu Mintoff serva bħala Deputat tal-Partit Laburista fil-Parlament bejn l-1987 u l-1989. Fl-1989 wara li kellu diżgwid mal-Partit Laburista, kien irriżenja minn whip u minn segretarju tal-grupp parlamentari Laburista u kien sospiż mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Hu kien żamm is-siġġu bhala Deputat Indipendenti. Fl-istess sena kemm Wenzu Mintoff kif ukoll Toni Abela kienu tkeċċew mill-Partit Laburista u wara huma ffurmaw l-Alternattiva Demokratika. Hu ikkontesta l-elezzjonijiet tal-1992, tal-1996 u tal-1998 f’isem l-AD imma ma kienx elett.

F’Mejju tas-sena 2001, Wenzu Mintoff reġa’ ingħaqad mal-Partit Laburista u ikkontesta l-elezzjonijiet tal-2003 u tal-2008 f’isem il-Partit Laburista.

F’Dicembru tal-1985 hu kien tkecca minn Deputat Segeratu Generali tal-Labour Youth League wara li kien ikkundanna pubblikament il-vjolenza fuq ambjentalisti li kienu qed jagħmlu marċ ta’ protesta.

Fl-2008 hu kien anke ikkontesta għal kariga ta’ President tal-Partit Laburista. Wenzu Mintoff hu wkoll iben hu l-ex Prim Ministru Dom Mintoff.

Fi stqarrija, l-Gvern qal li l-Avukat Wenzu Mintoff se jingħaqad fil-bank tal-ġudikatura bhala Imhallef fil-Qorti Superjuri u dan wara li l-Kabinett tal-Ministri approva din il-hatra.

Wenzu Mintoff se jkun is-sitt ħatra fil-ġudikatura f’din il-leġiżlatura wara l-ħatra ta’ żewġ Imħallfin u tliet Maġistrati.

L-Avukat Wenzu Mintoff għandu 54 sena, hu miżżewweġ lil Geraldine u għandhom tifla, Franziska.