Għallinqas! Hekk trid tgħid: għallinqas, il-mara ta’ Konrad Mizzi, il-lożor u l-imħaded hi se tixtrihom. Marelli, xi ħaġa trid tonfoq mill-paga l’għandha.
Mhux għax għandha paga, ta. Miskina, titħassarha. Il-ġurnalisti li Joseph Muscat ħa saċ-Ċina, kollha intervistawha. Moħħhom fiha kienu; kemm tħassruha. Kienet se tinfaqa’ tibki l-aħħar x’ħin bdiet tgħidilhom kemm tħossha mweġġgħa, mweġġgħa wisq ruħi. Xhur taqla’ l-kritika li qiegħda ddaħħal 13,000 fix-xahar.
L-aħħar kienet se tinfaqa’ tibki. Nurikom il-payslip, qaltilhom, 3,000 kulma naqla’ fix-xahar, miżerja ta’ paga. Ma writilhomx il-payslip għax kienet ġa tatha lill-avukat difensur tagħha, Joseph Muscat. Għax, miskina, irid ikollha min jiddefendiha.
U Joseph Muscat wasal Malta miċ-Ċina u mar dritt il-Parlament sidru mitfugħ ‘il quddiem ħalli jaqbeż għall-mara tal-Ministru tiegħu. X’jiġifieri jgħidu li għandha 13,000 fix-xahar; 3,000 kulm’għandha, hi qed tgħid sewwa. Hawn ħa nurikom, qallhom lin-Nazzjonalisti, hu u jxejjer il-karti qabel ipoġġihom fuq il-mejda. Hemm araw, il-payslip, il-kuntratt kollu; mhux intom ridtuh; hawn hu, ħuduh ma’ saqajkom.
In-Nazzjonalisti, anke xi ġurnalisti, raw l-element tat-teatru f’dan kollu. Mrs Konrad Mizzi se tinfaqa’ tibki l-aħħar; Joseph Muscat il-kavallier jiddefendi x-xbejba maħbuba ta’ sieħbu, il-fqajra tturrufnata minn żewġha ħa taħdem b’risqu.
Teatru, anke teatrin. U malajr bdew ifittxu fil-kuntratt. Il-paga: 222,000 fi tliet snin; da d-doppju ta’ li qalet. U taxxa tħallas fuq nofsha biss. Fuq nofs il-paga biss taxxa?
Bħal ambaxxatriċi se titħallas. Mhux diġà hemm ambaxxatur? Clifford xi ħaġa Marx. Mela ta’ min hi ambaxxatriċi, ta’ Malta jew taċ-Ċina?
Hawn, l-allowances hawn qegħdin. 9,000 ħa tissetilja. Container ħa ġġorr. 10,000 tar-rappreżentanza; x’inhi din? Karozza b’kollox, il-fuel kollu, xufier. L-iskejjel tat-tfal; kemm? 51,000 fuq tliet snin? 9,000 allowance oħra għat-tfal. It-telephone, il-mobile. It-tabib, id-dentist, tal-għajnejn. L-insurance. Tibdiliet ħwejjeġ. It-tickets tal-ajru għaliha u għat-tfal. Id-dar b’kollox, bla nuqqas ta’ xejn, hekk jgħid il-kuntratt.
Dawn b’kollox jiġu aktar minn 13,000 fix-xahar. Din, il-paga – id-doppju ta’ li qalet u intaxxata nofsha biss – se tfaddalha kollha! Le, le, se tonfoq xi ħaġa; hawn, hawn huma: Mrs Konrad Mizzi ffirmat li hi se tixtrihom il-lożor u l-imħaded.
//= $special ?>