Lokali

Il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi mgidba

“Sai Mizzi pay package is worth €13,000 a month.” – Hekk jgħid artiklu fil-ġurnal The Times of Malta tal-Erbgħa li jikkonferma li l-pakkett finanzjarju li tirċievi l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi jammonta għal €13,000 fix-xahar. Il-ġurnal jgħid ukoll li din hija l-ewwel darba li l-Malta Enterprise qed tħallas impjegat minn tagħha pakkett finanzjarju daqs dak ta’ ambaxxatur.

Il-ġurnal The Malta Independent fil-faċċata tiegħu jgħid li l-ħlas u l-benefiċċji li ingħatat il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi huma fil-fatt iktar minn dawk ta’ ambaxxatur. Tant hu hekk li numru ta’ eks ambaxxaturi li tkellmu ma’ The Malta Independent qalu li l-mara ta’ Konrad Mizzi qed tgawdi minn numru ta’ benefiċċji li qatt ma ingħataw lil diplomatiċi li servew barra minn pajjiżna. Fost dawn il-klawsola dwar ħlas għar-residenza kollox inkluż.

Eks ambaxxatur spjega li minkejja li huwa kien jgħix f’akkomodazzjoni mħallsa mill-Gvern, kwart tal-ħlas tal-kirja kien jinqata’ mis-salarju tiegħu. Dan ma jidhirx li huwa l-każ tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li l-kuntratt tagħha jinkludi l-ħlas ta’ residenza fejn toqgħod hi u t-tfal kollox inkluż ħlief lożor u mħaded.

Il-gurnal In-Nazzjon f’tabella jelenka b’mod car il-ħlasijiet u l-benefiċċji kollha li qed tieħu mart il-Ministru Konrad Mizzi li minbarra l-ħlas ghar-residenza għandha numru ta’ ħlasijiet u allowances oħrajn. It-tabella tindika li stima konservattiva tal-ħlasijiet tas-Sinjura tal-Ministru Konrad Mizzi titla’ għal madwar 475,000 ewro li, diviżi b’36 xahar, jiġu 13,000 ewro fix-xahar. Ċifra li hija ħafna ‘l bogħod minn dak li ddikkjarat il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi lill-ġurnal Times of Malta l-ġimgħa li għaddiet.

Fl-editorjal tiegħu intitolat ‘Sai Mizzi has nothing to cry about’ il-ġurnal The Times of Malta jgħid li fil-kummenti tagħha lill-media s-Sinjura ta’ Konrad Mizzi qalet biss nofs l-istorja għax ma semmietx numru ta’ allowances li tirċievi u li jwasslu biex id-dħul tagħha jkun ta’ 13,000 ewro fix-xahar.

L-editorjal ikompli li huwa kompletament inaċċettabli li min qed iħallas it-taxxa ma jingħatax informazzjoni dwar kemm jitħallsu persuni mit-taxxi tal-poplu. Fi kritika diretta lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-editorjal ta’ The Times of Malta jisħaq li l-ħatra tal-mara ta’ ministru fi rwol bħal dan għandha riħa ta’ nepotiżmu u konvenjenza u li t-tqabbil tal-pakkett finanzjarju tal-mara ta’ Konrad Mizzi ma’ dak ta’ eks ambaxxaturi huwa odjuż minħabba li l-mara tal-Ministru Mizzi ma għandhiex l-esperjenza ta’ ambaxxaturi preċedenti u tfakkar li l-Oppożizzjoni Laburista kienet tikkritika l-pakkett finanzjarju li jingħata lill-ambaxxaturi.

Ta’ min ifakkar li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed tingħata dan il-ħlas minkejja li Malta diġa għandha l-ambaxxatur tagħha fiċ-Ċina, lil Clifford Borg Marks li kif jindika l-istess sit tal-Ministeru tal-Affarijiet barranin inħatar mill-istess Gvern Laburista lura f’Awwissu 2013.